Raġel ta' 26 sena jintlaqat minn karozza waqt inċident

Hu ttieħed l-isptar, fejn ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi

Nhar il-Ġimgħa 4 t’Awwissu, il-pulizija ġiet infurmata b’inċident li involva żewġ karozzi u raġel li kien miexi fit-triq, li seħħ għall-ħabta tas-6:30 p.m. f’Dawret Ħal Għaxaq, Ħal Għaxaq.

Minn stħarriġ preliminari, irriżulta li l-ħabta seħħet bejn karozza tal-għamla Toyota Vitz, misjuqa minn raġel ta’ 54 sena residenti Ħal Għaxaq, u Mazda Demio, misjuqa minn mara ta’ 41 sena residenti Ħal Għaxaq. Iż-żewġ sewwieqa ma soffrewx grieħi.

Konsegwenza tal-inċident, intlaqat mill-Mazda Demio raġel ta’ 26 sena residenti Ħal Għaxaq, li kien miexi fit-triq. Dan ittieħed l-isptar Mater Dei, u ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi. L-investigazzjonijiet  dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.

Intant ilbieraħ ukoll, għall-ħabta tal-11 p.m. raġel ta' 27 sena minn San Pawl il-Baħar ukoll weġġa' f'inċident tat-traffiku fi Triq il-Pelikan, San Ġwann. 

Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li r-raġel kien qiegħed isuq mutur tal-għamla Kmco Agility, tilef il-kontroll u waqa'. Huwa ngħata l-għajnuna minn tim mediku, ittieħed l-isptar b'ambulanza u ġie ċċertifikat li weġġa' gravi. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

More in Kronaka