1.5 tunnellata ta' skart tal-baħar miġbura mill-Belt f'Jum l-Oċean

Il-maġġoranza tal-metall li ġie rikoverat mill-baħar ġie riċiklat f'konformità mal-prinċipji taċ-ċirkolarità

Nhar il-Ħamis li għadda, propju f'Jum l-Oċean, Ambjent Malta b'kollaborazzjoni mal-Għaqda mhux Governattiva (NGO) Calypso SAC ġabret b'kollox 1.5 tunnellata ta' skart tal-baħar mill-Belt Valletta, preċiżament fiż-żona tal-Port il-Kbir.

Ħafna mill-oġġetti li nġabru kienu dawn tal-gomma u tal-metall, li l-maġġoranza tagħhom ġew riċiklati f'konformità mal-prinċipji taċ-ċirkolarità.

B'mod ġenerali l-iskart fil-baħar huwa aktar dens fil-portijiet u għaldaqstant Ambjent Malta ikkordinat din l-attività biex ittejjeb l-istat ta' konservazzjoni tal-ħabitats tal-baħar barra min-netwerk tal-Awtorità tal-Portijiet (MPA). 

Ambjent Malta ilha twettaq tindif ta’ rutina ta’ qiegħ il-baħar mis-sena 2000. Madwar erbgħa tunnellati ta’ debris tal-baħar inġabru fiż-Żoni Protetti tal-Baħar tagħna, l-aktar magħmulin minn plastik u oġġetti tas-sajd/dgħajjes. It-tindif sar b’kollaborazzjoni mal-PDSA (Professional Diving and Scuba Diving Association, PDSA) f’Malta (Fekruna, Sirens, Wied iz- Żurrieq, Ghar Lapsi, Anchor Bay, Kemmuna u f’Għawdex (Marsalforn u Xlendi).

L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ddeżinjat 18-il Żona Protetta tal-Baħar fuq il-bażi ta’ snin ta’ riċerka appoġġjata mill-fondi LIFE tal-UE fl-2018. Id-daqs taż-Żoni Protetti tal-Baħar huwa madwar 13-il darba d-daqs ta’ Malta.

"Biex tkompli tappoġġja Żoni Protetti tal-Baħar, fl-2020, il-Gvern Malti saħħaħ ir-rwol ta’ Ambjent Malta biex tkopri inizjattivi u proġetti fiż-Żoni Protetti tal-Baħar u l-ilmijiet terrestri Maltin," spjegat Ambjent Malta. Din is-sena, l-ERA ippubblikat l-għanijiet ta' konservazzjoni għall-MPAs u t-tneħħija tal-iskart tal-baħar kienet inkluża bħala wieħed mill-għanijiet ewlenin.

Għaldaqstant Ambjent Malta tħeġġeġ lill-pubbliku biex jikkollabora u jonqos iż-żibel fil-baħar u tappella biex int;

  • Tifred il-mifrex kif xieraq peress li 70% tal-mifrex tal-baħar joħroġ mill-art;
  • Neħħi kwalunkwe skart tal-baħar waqt l-għawm jew fiż-żoni kostali;
  • Innotifika lill-awtoritajiet meħtieġa meta tiltaqa' ma’ xi ħajja tal-baħar protetta bħal fkieren, għasafar jew ħut imħabblin fi plastik/xbieki peress li l-iskart tal-baħar (l-aktar plastik/xbieki tas-sajd) joqtol il-ħajja tal-baħar meta jinbelgħu jew bit-tħabbil.

More in Kronaka