Mill-Qorti tal-Minorenni: X’reati wettqu ż-żgħażagħ bejn l-2020 u l-2022?

Iż-żgħażagħ li għandhom inqas minn 18-il sena xorta waħda jwettqu reati serji, li jvarjaw minn serq għal theddid, u anke pussess ta’ armi u pornografija llegali

Bejn l-2020 u l-2022 f’Malta kien hawn 190 każ quddiem il-Qorti tal-Minorenni, liema każijiet involvew żgħażagħ ta’ bejn l-14 u t-18-il sena.

Dan skont ċifri li ġew ippubblikati minn mistoqsija Parlamentari mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Ugwaljanza u d-drittijiet tat-tfal lill-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard.

Hawn, ġew żvelati dettalji tal-każijiet tar-reati mwettqa minn tfal taħt it-tmintax-il sena, u minkejja l-età tal-imputati, ir-reati li ġew imressqa bihom huma serji daqs il-każijiet li jitressqu bihom l-adulti kuljum fil-Qorti Kriminali.

X’tgħid il-liġi Maltija għal persuni minorenni?

F’għajnejn il-liġi, persuni taħt it-18-il sena ma jistgħux jitressqu l-Qorti Kriminali, iżda l-età minima li wieħed huwa risponsabbli għar-reati li jwettaq hija ta’ 14-il sena. Jekk persuna jkollha inqas minn 14-il sena, il-liġi tħares lejn il-ġenituri tagħha bħala l-persuni risponsabbli għar-reat ta’ wliedhom.

Il-liġi tgħid ukoll li jekk persuna bejn l-14 u s-16-il sena twettaq reat b’intenzjoni malizjuża li tista’ tiġi ppruvata, hija tkun responsabbli kriminalment, u persuna bejn is-16 u t-18-il sena hija responsabbli wkoll, iżda fiż-żewġ każijiet is-sentenzi li jingħataw jekk jinstabu ħatja jkunu mnaqqsa.

Dan ifisser li jekk persuna li għandha aktar minn 18-il sena tinstab ħatja għal kwalunkwe reat, hija tingħata sentenza b’kastig, iżda jekk persuna minorenni tinstab ħatja għall-istess reat, hija tingħata sentenza b’kastig li huwa żewġ gradi inqas minn li kieku kien adult.

Dawn id-differenzi bejn il-proċeduri kriminali lejn żgħażagħ u adulti huma marbuta ma’ diversi fatturi. Fosthom hemm il-fatt li ż-żgħażagħ ikunu għadhom qed jiżviluppaw, u għalhekk hemm possibilità kbira li huma jagħmlu kif jaraw, speċjalment jekk jitrabbew f’ambjent diffiċli. Apparti minn hekk, wieħed irid jikkunsidra wkoll li meta persuna tintbagħat il-ħabs minn età żgħira, ikunu qed jiġu influwenzati ferm mill-ambjent ta’ madwarhom, u għalhekk tiżdied il-possibilità li wieħed jeħel f’ċirku ikrah fejn ikompli jidħol u joħroġ mill-ħabs.

Fost iż-żgħażagħ wara dawn ir-reati, hemm numru kbir minnhom li għandhom biss 16-il sena, u l-iżgħar imputat bejn l-2020 u l-2022 kellu biss 12-il sena. Huwa kien akkużat li hedded lil persuni oħra b’mod verbali, u anke li uża b'mod mhux xieraq apparat ta' komunikazzjoni elettronika, liema tifel ġie liberat mill-akkużi miġjuba kontrih.

L-użu ta’ “apparat ta' komunikazzjoni elettronika” u t-theddid kienu akkużi komuni fost dawn iż-żgħażagħ, bħalma kienu l-akkużi ta’ sewqan ta’ vetturi, ċikeltti u anke e-scooters mingħajr liċenzji. Dawn it-tip ta’ reati wkoll mal-fatt li ż-żgħażagħ saqu dawn il-vetturi b’mod irresponsabbli u mingħajr sigurtà, hekk kif uħud minnhom spiċċaw ġarrbu ġrieħi fuq terzi persuni minħabba s-sewqan tagħhom.

Il-ksur tal-paċi pubblika u offiżi ta’ natura ħafifa kienu wkoll fuq quddiem tar-reati li twettqu mill-minorenni bejn l-2020 u l-2022.

Kien hemm ukoll żewġ persuni li ġarrew sikkina barra mingħajr il-liċenzja skont il-liġi, u tnejn oħra kienu fil-pussess ta’ “arma irregolari.” Intant, ħames żgħażagħ instabu ħatja li kienu fil-pussess ta’ “xi materjal indiċenti li juri persuna ta' tħat l-eta'”, u kollha kemm huma nħelsu mill-arrest b’numru ta’ kundizzjonijiet.

Fil-fatt, kienu biss 13% tal-imputati li marru quddiem il-Qorti tal-Minorenni ħarġu kompletament lliberati mill-akkużi tagħhom, filwaqt li 23% nstabu ħatja, u ngħataw pieni li jvarjaw minn multi sa sentenzi sospiżi u probation.

F’madwar 12-il każ ieħor, il-proċedimenti ġew iddikjarati bħala eżawriti, li jfisser li l-proċeduri fil-kontront taż-żgħażagħ għal xi raġuni jkunu waqfu. Raġuni fost oħrajn wara dan tista’ tkun li x-xhieda jagħżlu li ma jixhdux, jew li l-parti offiża ma tkunx tixtieq li tkompli bil-proċeduri.

More in Kronaka