Ħabta bejn tliet karozzi fiż-Żejtun iħalli żewġ persuni bi ġrieħi gravi

Dan l-inċident seħħ ilbieraħ waranofsinhar fi Vjal 25 ta' Novembru 

Ilbieraħ, għall-ħabta tal-4p.m. il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku fi Vjal il-25 ta’ Novembru, iż-Żejtun, fejn minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn Peugeot 3008 u Chevrolet Matiz.

Jidher ukoll li bid-daqqa, ix-Chevrolet laqtet ukoll Mini One, li kienet qed tinstaq minn mara ta’ 58 sena residenti l-Imsida. Il-Peugeot kienet qed tinstaq minn mara ta’ 38 sena residenti l-Fgura u passiġġiera fiha kien hemm żewġt ibniet ta’ disa' snin. Ix-xufier tax-Chevrolet kienet mara ta’ 44 sena residenti l-Fgura wkoll u fl-istess karozza, kien hemm ukoll tifel ta’ seba' snin.

Fuq il-post issejjħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku biex jassistu u permezz ta’ diversi ambulanzi l-persuni kollha involuti, minbarra l-mara ta’ 58 sena, ittieħdu l-Isptar Mater Dei. Aktar tard, it-tliet persuni li kienu fil-Peugeot ġew iċċertifikati li weġġgħu ħafif filwaqt li ż-żewġ persuni li kienu fix-Chevrolet ġew iċċertifikati li weġġgħu gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

More in Kronaka