Il-Ministru tal-Intern Glenn Bedingfield appella għal infurzar aktar b’saħħtu tar-regoli Ewropej dwar il-migrazzjoni, inkluż proċessi aktar effettivi għar-ritorn ta’ migranti irregolari u miżuri aktar stretti kontra l-abbuż tas-sistema tal-ażil.
Bedingfield kien qed jitkellem waqt il-Munich Migration Meeting, fejn ministri Ewropej iltaqgħu biex jiddiskutu r-rispons tal-Unjoni Ewropea għall-migrazzjoni irregolari.
Huwa qal li s-suċċess tal-Patt tal-UE dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil mhux se jiddependi biss mil-liġijiet adottati, iżda minn kif dawn jiġu implimentati u mir-riżultati li jagħtu fil-prattika.
Il-Ministru talab għal proċeduri aktar simplifikati, għodod aktar b’saħħithom biex l-UE tkun tista’ tirreaġixxi għal kriżijiet migratorji, kif ukoll għal miżuri li jnaqqsu l-possibbiltà li s-sistema tal-ażil tintuża b’mod abbużiv.
Bedingfield saħaq li politika effettiva ta’ ritorn hija essenzjali biex tonqos il-migrazzjoni irregolari u biex jiġu mfixkla networks kriminali involuti fit-traffikar tal-migranti.
Huwa rrefera wkoll għas-sitwazzjoni f’Malta u qal li l-wasliet irregolari naqsu b’93% mill-2019.
Skont Bedingfield, Malta kisbet ukoll waħda mill-ogħla rati ta’ ritorn fl-Ewropa, bil-Ministru jgħid li ammont ekwivalenti għal 70% tal-wasliet irregolari rreġistrati fl-2025 diġà ġew ritornati matul l-2026.
Il-Ministru tenna l-appoġġ ta’ Malta għall-implimentazzjoni tar-Regolament il-ġdid dwar ir-Ritorn u għal rwol operattiv aktar b’saħħtu għall-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntieri u tal-Kosta, FRONTEX.
Huwa qal li FRONTEX għandu jkollha sehem akbar fl-identifikazzjoni tal-migranti, fil-kisba tad-dokumenti tal-ivvjaġġar u fl-appoġġ għall-operazzjonijiet ta’ ritorn.
Bedingfield qal ukoll li għandu jiġi eżaminat kif jistgħu jiġu organizzati ritorni minn pajjiżi terzi.
Il-Ministru appella biex l-UE tagħmel użu aktar strateġiku mill-għodod tal-politika barranija tagħha biex tħeġġeġ lil pajjiżi terzi jikkooperaw fuq ir-riammissjoni u r-ritorn ta’ migranti.
Huwa qal li fejn meħtieġ għandhom jintużaw ukoll inċentivi li jagħtu aktar saħħa lill-UE fin-negozjati ma’ dawn il-pajjiżi.
Dwar proposti ġodda għall-immaniġġjar tal-migrazzjoni, Bedingfield laqa’ l-inklużjoni ta’ return hubs fil-qafas il-ġdid Ewropew dwar ir-ritorni, u qal li għandu jsir aktar xogħol biex dan il-kunċett jinbidel f’għodda prattika.
Huwa appoġġja wkoll it-twaqqif ta’ qafas Ewropew għal rispons ta’ emerġenza, bil-għan li l-UE tkun tista’ taġixxi aktar malajr f’perjodi ta’ pressjoni migratorja għolja.
Fl-istess waqt, qal li sistema bħal din trid tqis iċ-ċirkostanzi partikolari ta’ stati membri fil-fruntiera tal-UE, fosthom Malta.
Bedingfield qal li hemm bżonn rispons Ewropew koordinat għall-migrazzjoni irregolari li jgħaqqad ritorn effettiv, sħubijiet aktar b’saħħithom mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu, azzjoni kontra networks tat-traffikar tal-migranti, għajnuna mmirata għall-iżvilupp u kooperazzjoni ma’ sħab internazzjonali, fosthom ir-Renju Unit.