Arrestat bi traffikar ta' droga wara osservazzjoni mill-Pulizija

Minn tfittxijiet, instabu numru ta' qratas suspettati kokaina u ammont konsiderevoli ta' kannabis 

Investigazzjonijiet mill-Pulizija b’rabta ma’ allegat traffikar ta' droga wasslu għall-arrest ta’ raġel ta’ 41 sena minn Birkirkara.

Wara osservazzjoni fuq garaxx fil-Marsa, li fih allegatament kienet qiegħda tkun ittraffikata ddroga, ilbieraħ wara nofsinhar, il-Pulizija nnutaw l-allegat suspettat jidħol fil-garaxx u wara ftit ħin deher joħroġ u jirkeb ġo vettura. Kien hawn li huwa ġie ċċirkondat u arrestat.

Minn tfittxijiet li saru fuqu u fil-vettura, il-Pulizija elevat numru ta’ qratas b’sustanza suspettata droga kokaina. Minn aktar tfittxijiet li saru fil-garaxx instabet aktar droga suspettata kokaina u ammont konsiderevoli suspettata ħaxixa tal-kannabis, kif ukoll mwieżen diġitali u diversi oġġetti relatati mat-traffikar tad-droga.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Rachel Montebello ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta. 

More in Kronaka