Filmat | Id-Dwana tikkonfiska 610 kilogrammi kokaina moħbija f'kontejner bil-banana

Il-valur tad-droga misjuba jaqbeż sew il-€100 miljun u din hija t-tielet sejba kbira li l-uffiċjali tad-Dwana fil-Port Ħieles għamlu din is-sena

L-Uffiċjali tad-Dwana stazzjonati fil-Port Ħieles ikkonfiskat 610 kilogrammi kokaina li nstabu f’kontejner li kien qed iġorr kaxxi bil-banana mill-Ekwador għal Georgia.

Fi stqarrija, id-Dwana spjegat li l-valur tad-droga misjuba fis-suq hija ta’ €100.6 miljun.

Id-droga nstabet ppakkjata f’610 pakketti li kienu jiżnu kilogramma kull wieħed u kienu moħbija f’kaxxi tal-banana.

Uffiċjali tad-Dwana wettqu spezzjoni fuq dan il-kontejner wara eżerċizzju metikoluż li huma jagħmlu fuq diversi kontejners li jaslu jew jieqfu fil-Port Ħieles, fi triqithom lejn postijiet oħra.

Fil-fatt, waqt l-iskenjar ta’ dan il-kontejner, l-uffiċjali nnutaw xi diskrepanzi.

L-uffiċjali, flimkien mal-Pulizija, feħtu dan il-kontejner u spezzjonaw il-kaxxi kollha.

Id-droga nstabet moħbija f’20 kaxxa tal-banana.

Fl-aħħar tliet snin, id-Dwana għamlet dawn is-sejbiet ta’ kokaina:

  • 2019 - 750 kilogramma fi 13-il konfiska
  • 2020 – 612-il kilogramma f’konfiska waħda
  • 2021- 740 kilogramma f’konfiska waħda
  • 2022 – Sejba ta’ 800 kilogramma, sejba ta’ 1,494 kilogramma u sejba ta’ 610 kilogrammi

More in Kronaka