Aktar minn 5,500 student ġdid qed jibdew l-istudji tagħhom fl-Università ta’ Malta hekk kif bdiet il-KSU Freshers’ Week 2026.
Nhar it-Tnejn, l-Università rreġistrat aktar minn 2,500 student ġdid f’korsijiet undergraduate, filwaqt li aktar minn 2,200 oħra qed jibdew studji postgraduate.
Matul is-sena akkademika 2026/27, l-Università qed tilqa’ wkoll madwar 350 student Erasmus+, 500 student viżitatur li qed isegwu micro-credentials u 2,000 student internazzjonali minn 130 pajjiż.
Aktar minn 1,100 student ġdid qed jingħaqdu wkoll mal-Junior College din is-sena, u b’hekk il-popolazzjoni studenteska tiegħu telgħet għal aktar minn 2,100.
B’kollox, aktar minn 13,000 student jinsabu rreġistrati fl-Università ta’ Malta din is-sena, mifruxa fuq 931 kors.
Il-bidu tas-sena akkademika ġie mmarkat b’ċerimonja fis-Sala Sir Temi Zammit, fejn ir-Rettur il-Professur Frank Bezzina għamel l-ewwel indirizz ta’ merħba tiegħu lil grupp ġdid ta’ studenti minn meta ħa l-kariga.
Taħt it-tema Building Tomorrow through Knowledge, Purpose and Community, Bezzina qal li l-Università għandha rwol importanti biex twieġeb għall-isfidi ġodda u tikkontribwixxi għad-dibattitu u l-iżvilupp nazzjonali.
“Aħna rridu li dak li joħroġ mit-tagħlim u r-riċerka fl-Università jkollu impatt pożittiv fuq pajjiżna,” qal Bezzina.
Il-President tal-KSU Nick Muscat, li kien preżenti wkoll għaċ-ċerimonja, ħeġġeġ lill-istudenti biex jieħdu sehem fil-ħajja universitarja lil hinn mill-istudji tagħhom, fosthom permezz ta’ għaqdiet studenteski u kawżi differenti.
Il-Ministru Byron Camilleri, Bezzina u Muscat aktar tard fetħu uffiċjalment il-Freshers’ Week mill-istand tal-Università.
Camilleri qal li l-għan hu li l-Università mhux biss tagħti lill-istudenti l-għarfien u l-kwalifiki li għandhom bżonn, iżda tgħinhom ukoll jiżviluppaw il-ħiliet, il-kunfidenza u l-ambizzjoni tagħhom.