Inċidenti u aktar skejjel miftuħa; Ir-riżultat? Malta ġġammjata

Diversi sewwieqa lmentaw li għamlu sigħat imweħħla fil-Marsa

Inċident fi Triq Reġjonali u l-ftuħ ta' aktar skejjel, inkluż l-Università u l-MCAST iwasslu biex il-ġimgħa tibda ħażin għal diversi ħaddiema. Malta dalgħodu ġġammjata ġej minn fejn ġej.

Diversi sewwieqa li tkellmu mas-sit illum.com.mt u anke oħrajn li kitbu fuq il-midja soċjali qalu li għamlu "sigħat sħaħ" imwaħħla fit-traffiku fil-Marsa u fi bnadi oħra.

Oħrajn kienu aktar avventurużi fil-kummenti tagħhom u kitbu "beda l-marċ" u "għaddejja l-purċissjoni," b'referenza għall-kummenti li kien għamel il-Ministru Aaron Farrugia meta fis-sajf kien qal li t-traffiku qed ikun ikkawżat, fost oħrajn, minħabba l-festi.

Kien hemm min insista li tal-linja b'xejn ma ħalliet l-ebda effett.

Is-sitwazzjoni kompliet iggravat meta seħħ inċident biswit il-mini ta' Santa Venera li seħħ għall-ħabta tat-8:00am u li wassal biex parti mit-triq kellha tingħalaq għat-traffiku. Dan kien jonqos biex kompla jgħarraq is-sitwazzjoni.

L-inċident seħħ bejn karozza u mutur. Is-sewwieq tal-mutur kellu jiddaħħal l-isptar.

It-triq issa hija miftuħa kompletament.

More in Kronaka