L-Uffiċċju Metereoloġiku jgħid li x-xita se tkompli u se jolqotna riħ qawwi imma xejn viċin urugani

...fil-fatt jgħid li mhux se jkun qed joħroġ allarm aħmar

Ritratt ta' Mediatoday
Ritratt ta' Mediatoday

It-temp li qegħdin nesperjenzaw bħalissa qiegħed jirriżulta minn ċirkolazzjoni ta’ pressjoni baxxa jew dipressjoni, li żviluppat lejn in-Nofsinhar ta’ Malta lbieraħ u mxiet lejn il-Lvant tal-Golf ta’ Sirte. Għalkemm huwa previst li dan it-tip ta’ temp jippersisti fil-jiem li ġejjin, mhuwiex mistenni li l-gżejjer Maltin jintlaqtu minn ħalbiet ta’ xita qawwija, bl-Uffiċċju Meteoroloġiku jirrapporta li l-aktar xita qawwija niżlet fil-lejl ta’ bejn il-25 u s-26 ta’ Ottubru.

L-istess Uffiċċju jgħid li minkejja xi rapporti li l-gżejjer Maltin ser jiġu affettwati minn medicane, li huwa ċiklun li jixbah lil dak tropikali u li jġib miegħu rjieħ b’veloċità medja ekwivalenti għal jew ogħla minn 54 knots, "din id-dipressjoni ma tikkwalifikax bħala medicane. Madankollu, sad-29 ta’ Ottubru, din id-dipressjoni tista’ tintensifika sabiex issir medicane u ser tkun ippożizzjonata fuq il-Baħar Jonju."

Għaldaqstant, l-Uffiċċju Meteoroloġiku qal li mhuwiex qiegħed jistenna li joħroġ twissijiet ta’ allarm ħomor iżda qiegħed javża lill-pubbliku li rjieħ pjuttost qawwija sa qawwija mill-Grieg Lvant ser isiru qawwija sa qawwija ħafna aktar tard illum, partikolarment f’postijiet esposti għall-elementi.

Finalment l-Uffiċċju Metereoloġiku qal li matul il-bqija tal-ġurnata, huwa previst li jkomplu jiddominaw smewwiet imsaħħba u ħalbiet ta’ xita li jistgħu jkunu akkumpanjati mir-ragħad u għal għada, l-Uffiċċju Meteoroloġiku qiegħed ibassar kundizzjonijiet simili, b’temp imsaħħab u ħalbiet tax-xita li jistgħu jkunu akkumpanjati mir-ragħad f’xi waqtiet. "Madankollu, ir-riħ huwa mistenni jdur mill-Grigal u jbatti sabiex ikun pjuttost qawwi sa qawwi. Aktar tard fil-ġurnata, imbagħad, ir-riħ mistenni jkun mill-Majjistral. Il-jum tal-Ġimgħa ser ikun pjuttost imsaħħab b’ħalbiet tax-xita iżolati, bi rjieħ pjuttost qawwija sa qawwija mill-Punent Majjistru."

More in Kronaka