Jammetti mal-Pulizija li qatel liż-żagħżugħ iżda jwieġeb mhux ħati quddiem il-Qorti

Żagħżugħ ta’ 25 sena tressaq akkużat bil-qtil ta' żagħżugħ ieħor ta' 23 sena wara ġlieda bejniethom li seħħet il-Ħamis li għadda

Tressaq il-Qorti ż-żagħżugħ ta’ 25 sena li ġie arrestat ilbieraħ wara li allegatament ta tliet daqqiet ta’ sikkina lil żagħżugħ ieħor mill-Ghana li miet ftit tal-ħin wara.

L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Madanakollu, fil-Qorti, l-Ispettur Kurt Zahra qal li l-akkużat ammetta li kien hu li qatel lill-vittma meta kien qed ikun interrogat.

Il-każ seħħ il-Ħamis li għadda wara ġlieda bejn iż-żewġ żgħażagħ fil-Marsa. Il-vittma nstab f’għadira demm mal-art u miet ftit wara li tittieħed Mater Dei.

Ftit tal-ħin wara l-Pulizija identifikat l-allegat aggressur u marret fir-residenza tiegħu. Huwa pprova jaħrab minn fuq il-bjut, iżda l-Pulizija rnexxielha taqbdu u arrestatu.

Intant ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest, biż-żagħżugħ jittieħed il-ħabs. Ġew iffriżati wkoll l-assi kollha tiegħu.

More in Kronaka