Kien it-28 ta’ Diċembru tal-1977, tlett ijiem biss wara l-Milied, meta fid-dar tal-familja Grech f’San Ġwann wasal pakkett kbir indirizzat lill-Professur Edwin Grech.
Ġewwa l-envelope kien hemm pakkett iżgħar, forma ta’ kaxxa, imgeżwer b’karta tar-rigali tal-Milied. Karin, li dak iż-żmien kellha 15-il sena u kienet Malta għall-vaganzi mill-iskola tagħha fir-Renju Unit, fetħet il-pakkett.
Iżda dak li deher bħala rigal kien fil-fatt apparat splussiv.
Il-bomba splodiet f’idejn Karin. Ħuha Kevin, li kellu għaxar snin u kien qrib tagħha dak il-ħin, ukoll indarab fl-isplużjoni. Karin ittieħdet l-Isptar San Luqa, iżda mietet ftit ħin wara minħabba l-ġrieħi li ġarrbet.
Il-pakkett, iżda, ma kienx indirizzat lilha.
Kien indirizzat lil missierha.
Tilwima bejn il-Gvern u t-tobba
Biex jinftiehem il-kuntest tal-każ, wieħed irid imur lura għal xhur qabel il-qtil.
Fl-1977 kienet għaddejja tilwima serja bejn il-Gvern u l-Medical Association of Malta, li wasslet għal azzjoni industrijali mit-tobba. Edwin Grech dak iż-żmien kien qed jaħdem bħala konsulent fl-ostetrija u l-ġinekoloġija fir-Renju Unit.
F’Awwissu ta’ dik is-sena huwa rritorna Malta waqt l-istrajk u ħa f’idejh it-tmexxija tad-Dipartiment tal-Ostetrija u l-Ġinekoloġija fl-Isptar San Luqa. Il-pożizzjoni tiegħu f’dak il-kuntest poġġietu fiċ-ċentru ta’ tilwima li kienet marret lil hinn minn kwistjoni purament industrijali u kienet kisbet dimensjoni politika qawwija.
Snin wara, il-Qorti Ċivili kkonkludiet li l-qtil ta’ Karin kien konsegwenza tax-xogħol li missierha kien qed jagħmel għall-Gvern f’dak il-perjodu politikament sensittiv. Il-familja ngħatat madwar €420,000 f’kumpens, u dik id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Appell fl-2011.
Edwin Grech kien qal wara s-sentenza li għalih l-importanza tagħha ma kinitx il-kumpens finanzjarju, iżda l-fatt li l-Qorti kienet stabbiliet rabta bejn l-attakk fuq il-familja tiegħu u ċ-ċirkostanzi politiċi u mediċi ta’ dak iż-żmien.
Pakkett ieħor u investigazzjoni twila
Fl-istess kuntest, it-tabib u Deputat Laburista Paul Chetcuti Caruana kien ukoll fost it-tobba li baqgħu jaħdmu fl-Isptar San Luqa waqt l-azzjoni industrijali. Huwa aktar tard tkellem pubblikament dwar kif kien ġie investigat b’rabta mal-każ ta’ Karin Grech u dwar l-atmosfera ta’ tensjoni li kienet teżisti dak iż-żmien.
Il-qtil ta’ Karin wassal għal waħda mill-akbar investigazzjonijiet kriminali f’Malta. Matul is-snin, il-Pulizija interrogat diversi persuni u fetħet linji differenti ta’ investigazzjoni, iżda ebda waħda ma wasslet għal kundanna. Fl-2008, il-Qorti kienet infurmata li l-investigazzjoni kienet għadha attiva, u fl-2010 il-Kummissarju tal-Pulizija ta’ dak iż-żmien qal li l-każ kien għadu miftuħ.
Tul is-snin saru diversi allegazzjonijiet dwar min seta’ kien responsabbli. Edwin Grech innifsu kien qal li kellu informazzjoni dwar persuni li seta’ kellhom x’jaqsmu mal-bomba, iżda dawn l-allegazzjonijiet ma wasslux għall-identifikazzjoni ta’ persuna li setgħet titressaq u tinstab ħatja.
Il-fatt li l-vittma kienet tfajla ta’ 15-il sena li fetħet pakkett indirizzat lil missierha, ftit jiem wara l-Milied, flimkien mal-kuntest politiku u industrijali li kien hemm madwar il-familja, wassal biex il-każ jibqa’ jissemma għexieren ta’ snin wara.
Minkejja snin ta’ investigazzjonijiet, evidenza forensika, xhieda u teoriji differenti, ħadd għadu ma ġie kkundannat għall-qtil tagħha.