Il-vape taħt assedju fl-Ewropa

Il-Ministru tas-Saħħa Ian Borg jgħid li l-Gvern jappoġġja regoli aktar b’saħħithom li jipproteġu lit-tfal u ż-żgħażagħ 

Rapporti dwar il-possibbiltà li l-Unjoni Ewropea timxi lejn projbizzjoni tal-vapes qed jerġgħu jqajmu dibattitu jaħraq dwar wieħed mill-aktar prodotti kontroversjali fid-dinja tan-nikotina. Dak li qed jiġri fil-fatt huwa reviżjoni wiesgħa tal-politika Ewropea dwar it-tabakk u l-prodotti tan-nikotina, b’attenzjoni partikolari fuq disposable vapes, togħmiet, reklamar u l-użu fost iż-żgħażagħ. 

Il-Kummissjoni Ewropea qed tirrevedi l-qafas leġiżlattiv tagħha dwar il-prodotti tat-tabakk u r-reklamar, u f’Mejju 2026 nediet konsultazzjoni pubblika bħala parti minn dan il-proċess. Il-proposti leġiżlattivi mistennija jkomplu jiġu żviluppati aktar tard din is-sena. Il-Kummissjoni stess irrikonoxxiet li l-qafas attwali ma baqax ilaħħaq mal-iżvilupp mgħaġġel ta’ prodotti ġodda, fosthom e-cigarettes, disposable devices, prodotti tat-tabakk imsaħħan u nicotine pouches.  

M’hemmx, sa issa, deċiżjoni tal-UE li tipprojbixxi l-vapes kollha madwar l-Istati Membri. Iżda hemm moviment ċar lejn regolamentazzjoni aktar stretta, u diversi pajjiżi diġà ħadu passi biex jeliminaw mill-kummerċ ċerti tipi ta’ prodotti. 

X’qed tagħmel Malta? 

Il-Ministru għas-Saħħa Ian Borg qal lil din il-gazzetta li l-ministeru qed isegwi mill-qrib l-iżviluppi u l-evidenza xjentifika dwar it-tabakk u l-prodotti tan-nikotina, f’konformi mal-prinċipji ta’ prevenzjoni u l-prekawzjoni.  

Il-ħarsien tas-saħħa pubblika, partikolarment tat-tfal u ż-żgħażagħ, jibqa’ l-prijorità. 

“Malta żammet il-kontrolli fuq it-tabakk u żiedet gradwalment it-taxxi fuq is-sigaretti. Għandna wkoll projbizzjoni tat-tipjip f’postijiet tax-xogħol magħluqa u f’postijiet pubbliċi magħluqa, inklużi bars u ristoranti,” qalilna Borg. 

“Dawn il-miżuri huma kkumplimentati minn regoli Ewropej dwar l-ippakkjar, it-twissijiet tas-saħħa, l-ingredjenti u r-reklamar.” 

Rigward ir-reviżjoni tal-qafas Ewropew, Borg qal li l-Gvern jappoġġja regoli aktar b’saħħithom li jipproteġu lit-tfal u ż-żgħażagħ, flimkien ma’ monitoraġġ Ewropew li jipprovdi data komparabbli dwar il-prodotti emerġenti, ir-reklamar u l-użu tagħhom.  

Insista li kwalunkwe bidla għandha tkun proporzjonata u konformi mar-regoli tas-suq intern u l-moviment liberu tal-merkanzija fl-UE. 

“Se nkomplu nsegwu l-proċess mill-qrib u nevalwaw il-proposta formali tal-Kummissjoni Ewropea meta tiġi ppubblikata,” qal Borg. 

Id-disposable vape 

L-aktar prodott li spiċċa fil-mira huwa l-vape li jintuża darba u jintrema. Il-Belġju, Franza u l-Bulgarija diġà għandhom projbizzjonijiet approvati taħt il-qafas Ewropew, filwaqt li fl-2026 l-Awstrija, l-Irlanda, il-Polonja u Spanja nnotifikaw ukoll miżuri nazzjonali dwar ċerti e-cigarettes jew disposable products.  

Il-Kummissjoni nnifisha tgħid li din is-sitwazzjoni qed toħloq suq frammentat: prodott jista’ jkun legali f’pajjiż iżda pprojbit f’ieħor. Dan mhux biss joħloq problemi għall-industrija iżda jagħmilha aktar diffiċli biex tiġi applikata politika Ewropea konsistenti.  

Hemm ukoll argument ambjentali qawwi. Disposable vape fih batterija, elettronika, plastik u komponenti oħra li jispiċċaw jintremew wara użu relattivament qasir. Il-problema, għalhekk, mhijiex biss in-nikotina iżda wkoll muntanji ta’ apparat elettroniku żgħir li qed jidħol fil-fluss tal-iskart. 

Iżda l-akbar tħassib Ewropew huwa s-saħħa taż-żgħażagħ. 

Il-Kummissjoni tirreferi għall-popolarità tal-vapes fost l-adolexxenti, partikolarment minħabba togħmiet ħelwin u tal-frott, prezzijiet relattivament baxxi, disinji attraenti u disponibbiltà wiesgħa. Il-valutazzjoni tagħha tgħid li l-użu tan-nikotina f’età żgħira jista’ jikkawża dipendenza u jaffettwa l-iżvilupp tal-moħħ, filwaqt li teżisti wkoll evidenza li l-e-cigarettes jistgħu jkunu assoċjati ma’ bidla lejn it-tipjip tradizzjonali.  

Din hija waħda mir-raġunijiet għalfejn id-dibattitu qed imur lil hinn mid-disposable vapes u lejn it-togħmiet u l-marketing. 

Min-naħa l-oħra hemm il-komunità tal-vapers u organizzazzjonijiet li jippromovu l-hekk imsejħa tobacco harm reduction. L-argument tagħhom huwa li m’għandux ikun hemm ekwivalenza awtomatika bejn sigarett tradizzjonali u vape. 

Il-vaping, jgħidu, mhuwiex mingħajr riskju, iżda għal persuna li diġà tpejjep jista’ jkun alternattiva inqas ta’ ħsara milli tibqa’ tpejjep sigaretti. Għaldaqstant, projbizzjoni jew restrizzjoni eċċessiva tista’ twassal lil xi adulti lura għas-sigaretti jew lejn suq illegali. 

Il-European Tobacco Harm Reduction Advocates (ETHRA), li tirrappreżenta organizzazzjonijiet tal-konsumaturi favur il-harm reduction, kienet kritika tal-proċess ta’ konsultazzjoni tal-UE u sostniet li l-politika futura għandha tagħmel distinzjoni bejn il-livelli differenti ta’ riskju tal-prodotti.  

L-istess argument qed isir minn gruppi oħra tal-vaping. Il-World Vapers’ Alliance, pereżempju, tgħid li projbizzjonijiet fuq togħmiet jistgħu jneħħu wieħed mill-elementi li jgħinu lil xi adulti jħallu s-sigaretti. Dawn huma, madankollu, organizzazzjonijiet favur il-vaping, u l-pożizzjonijiet tagħhom għandhom jinqraw f’dan il-kuntest.  

Min-naħa oħra, il-komunità tas-saħħa pubblika tinsisti li l-prijorità għandha tkun li ma jinħolqux ġenerazzjonijiet ġodda ta’ nies dipendenti fuq in-nikotina. Riċerka u kummenti reċenti fil-European Respiratory Journal enfasizzaw li r-regolamentazzjoni għandha tiffoka mhux biss fuq il-prodott innifsu iżda fuq riżultati konkreti fost iż-żgħażagħ, fosthom inqas inizjazzjoni, inqas użu doppju ta’ sigaretti u vapes u inqas problemi respiratorji.  

Malta mhijiex barra minn dan id-dibattitu 

Għal Malta, il-kwistjoni hija partikolarment relevanti. Il-pajjiż diġà għandu sistema ta’ kontroll fuq l-importazzjoni u l-bejgħ tal-e-cigarettes, u r-regoli Maltin jittrasponu d-Direttiva Ewropea dwar il-Prodotti tat-Tabakk. Bejgħ transfruntier online ta’ e-cigarettes u refill containers lill-konsumaturi f’Malta huwa wkoll ipprojbit.  

Fl-istess ħin, l-operazzjoni internazzjonali JCO VAPE, immexxija mill-OLAF fl-2025 u rrappurtata fl-2026, tat indikazzjoni tal-iskala tal-problema tal-kummerċ illegali. Aktar minn 94 miljun oġġett u aktar minn 2,500 kilogramma/litru ta’ prodotti tat-tabakk, e-cigarettes, apparat u prodotti relatati ġew sekwestrati f’operazzjoni li involviet 23 Stat Membru u pajjiżi oħra.  

Xi trid l-Ewropa? 

Jekk l-għan huwa li jiġu protetti t-tfal, hemm argument qawwi għal kontroll fuq il-bejgħ lill-minorenni, reklamar, disinji infantili, togħmiet li jattiraw lit-tfal u disposable products. Iżda projbizzjoni ġenerali tista’ tqajjem mistoqsijiet oħra: x’jiġri mill-adulti li jużaw vaping biex ma jibqgħux ipejpu? X’jiġri jekk id-domanda tibqa’ teżisti u tiċċaqlaq lejn is-suq l-iswed? U kif tista’ l-Ewropa tirregola prodott li qed jinbidel b’rata aktar mgħaġġla? 

Dak li qed naraw huwa proċess ta’ reviżjoni li jista’ jwassal għal regolamentazzjoni ferm aktar stretta. Il-konfront li jmiss se jkun bejn żewġ objettivi ta’ politika pubblika: liż-żgħażagħ jinżammu ’l bogħod min-nikotina, filwaqt li l-adulti li jpejpu jingħataw alternattivi li jistgħu jkunu inqas ta’ ħsara mis-sigaretti tradizzjonali. 

More in Kronaka