Bilqiegħda fi ġnien fil-Furjana fil-ħemda tal-lejl jistenna biex jitraffika d-droga

Iż-żagħżugħ ġie arrestat mill-Pulizija tad-Distrett tal-Belt Valletta.

Żagħżugħ ta’ 19-il sena ġie arrestat wara li nqabad b’ammont ta’ droga sintetika waqt ronda mill-Pulizija tad-Distrett tal-Belt Valletta.

Il-Pulizija kienu qed iduru Ġnien Herbert Ganado, fil-Furjana, fis-siegħa neqsin kwart ta’ filgħodu meta nnutawh bilqiegħda f’parti mudlama tal-ġnien.

Meta bdew ikellmuh, iż-żagħżugħ Eġizzjan beda jaġixxi b’mod suspettiv u għalhekk saret tfittxija fuqu u nstab li kien qed iġorr 12-il pakkett b’sustanza suspettata droga sintetika.

Huwa ġie arrestat u se jitressaq il-Qorti dalgħodu.

More in Kronaka