14-il każ ġdid ta' COVID-19; Ħamsa minnhom marbuta ma' Paceville

Dan ifisser li issa l-għadd tal-każi attivi laħaq il-199

Għal ġurnata oħra Malta rreġistrat għadd pjuttost kbir ta' każi ġodda ta' COVID-19, hekk kif fl-aħħar 24 siegħa ġew identifikati 14-il pazjent ġdid.

Dan ifisser li issa l-għadd tal-każi attivi laħaq il-199.

L-awtoritajiet tas-Saħħa spjegaw kif ħafna mill-pazjenti ma marrux għax-xogħol meta kellhom is-sintomi.

Spjegaw kif ħamsa minn dawn il-każi huma marbuta ma' cluster minn Paceville. Tliet każi oħra huma qraba ta' pazjenti oħra filwaqt li l-bqija huma każi sporadiċi.

Minn meta feġġ l-ewwel każ, f'Malta kien hawn 874 pazjent. Minnhom fiequ 666. Disa' persuni tilfu ħajjithom kawża tal-virus.

Fl-aħħar 24 siegħa saru 1,438 test.

More in Kronaka