‘Disa’ snin wara, għadna hawn’: protesta ta’ solidarjetà għal Daphne timla l-Belt b’sejħa għall-ġustizzja

Il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia, attivisti u għaqdiet tas-soċjetà ċivili ngħaqdu f’protesta ta’ solidarjetà fil-Belt Valletta, f’serata ta’ rabja, niket u determinazzjoni li insistiet li l-ġlieda għall-ġustizzja u għar-riformi għadha ’l bogħod milli tintemm.

Ritratt: Edward De Gabriele
Ritratt: Edward De Gabriele

Kienet xena ta’ familja bħal miljuni oħra.

Wara nofsinhar lejn l-aħħar ta’ Settembru, disa’ snin ilu. Michael Vella u martu Rose bilqiegħda fil-ġnien ta’ binthom Daphne. It-tfal iduru mas-siġra taż-żebbuġ, iwaqqgħu ż-żebbuġ minn mal-friegħi. Il-bniet jiġbruh. Il-klieb iduru magħhom, jaqbżu u jifirħu.

Xena sempliċi. Paċifika. Dar. Familja.

Iżda fuq in-naħa l-oħra tal-wied, skont Michael Vella, missier Daphne Caruana Galizia, kien hemm irġiel imħallsa biex joqtluha, “jgħassu — u jistennew”.

Ftit jiem wara, bintu kienet mejta.

Kważi disa’ snin wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, din kienet waħda mill-aktar xbihat qawwija li nġiebu quddiem il-folla fil-Belt Valletta l-Erbgħa filgħaxija, waqt protesta ta’ solidarjetà organizzata minn Repubblika u Occupy Justice f’Misraħ l-Assedju l-Kbir.

Il-protesta saret ġimagħtejn wara l-verdett li bih Yorgen Fenech ġie lliberat mill-akkużi ta’ assoċjazzjoni kriminali u kompliċità fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Ritratt: James Bianchi/Maltatoday
Ritratt: James Bianchi/Maltatoday

Iżda jekk il-verdett fetaħ ferita li għal ħafna qatt ma kienet għalqet, il-messaġġ li ħareġ mill-pjazza kien wieħed: il-mixja għall-ġustizzja mhix se tieqaf hawn.

Kienet Megan Mallia, in-neputija ta’ Daphne, li qrat il-kliem ta’ nannuha Michael Vella.

Qabel għamlet dan, Megan qalet li hi u oħtha Amy kienu qattgħu żmien jaħsbu x’jistgħu jgħidu biex jagħmlu sens mill-aħħar ġimagħtejn — u mill-aħħar disa’ snin.

“Fi żminijiet bħal dawn,” qalet, “aħjar jekk wieħed ma jkunx imbeżża’. Aħjar li tiftaħ ħalqek u titkellem.”

Imbagħad ġie l-messaġġ ta’ missier Daphne.

Michael Vella fakkar f’dik l-aħħar xena ta’ normalità fil-ġnien ta’ bintu. Fakkar f’Rose, martu li llum m’għadhiex magħhom. 

U fakkar ukoll f’dawk li, qal hu, kienu qed isegwu l-bintu minn-naħa l-oħra tal-wied.

“Hekk kif qed nidħlu f’fażi ġdida fit-tfittxija tagħna għall-ġustizzja,” qal fil-messaġġ tiegħu, huwa rringrazzja lil dawk kollha li għal disa’ snin baqgħu jiltaqgħu, jipprotestaw u jinsistu — fis-sħana tas-sajf, fix-xita, matul il-pandemija u minkejja t-theddid u l-avversità.

It-tfittxija, qal, tibqa’ waħda għal pajjiż “iggvernat mhux minn korruzzjoni u biża’, imma minn istituzzjonijiet b’saħħithom u bis-saltna tad-dritt”.

U jekk kliem missier Daphne reġa’ ħa lill-folla lura lejn l-aħħar jiem qabel il-qtil tagħha, kliem in-neputija tagħha Amy Mallia wera xi jfisser li tikber fid-dell tiegħu.

Amy kellha biss 15-il sena meta nqatlet zitha.

Dakinhar, qalet, tilfet xi ħaġa aktar minn qariba.

Tilfet is-sens ta’ dar. “Bdejt inħoss li Malta mhijiex ‘dari’ aktar,” qalet.

Għax id-dar, fissret, għandha tkun il-post fejn tħossok sikur. Il-kenn tiegħek. Il-post fejn tista’ tinħeba fl-agħar ġranet. “Dak is-sens kollu sparixxa għalija fl-età ta’ ħmistax-il sena.”

Minn dakinhar ’l hawn, il-ħajja tal-familja tagħha saret, fi kliemha, “ċpar” ta’ velji, protesti, seduti tal-qorti, rapporti tal-aħbarijiet, posts fuq il-media soċjali, kummenti ta’ mibegħda, akkużi u anke abbuż verbali fit-toroq.

“Dan kollu sar il-verżjoni tal-ħajja ‘normali’ għall-familja tiegħi,” qalet.

Iżda m’għandu jkun normali xejn.

Amy qalet li l-verdett ta’ ġimagħtejn ilu ġagħalha tħoss li kienet qed terġa’ tgħix il-jum li fih inqatlet Daphne: l-istess niket, l-istess rabja.

Hija fakkret li l-Inkjesta Pubblika kkonkludiet li Daphne nqatlet minħabba xogħolha, u tkellmet dwar iż-zija tagħha mhux biss bħala simbolu pubbliku, iżda bħala l-mara li kienet tgħallimha ma tibżax tuża leħinha.

Fuq kollox, qalet, Daphne għallmitha tagħmel dak li huwa sew anke meta dan ifisser li tmur kontra l-kurrent. “Il-flus huma poter, għal xi wħud,” qalet Amy. Iżda mhux kollox jinxtara bil-flus: il-morali, l-etika, il-ġustizzja u l-verità.

Is-sejħa tagħha kienet biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Inkjesta Pubblika, biex il-ġurnalisti jkunu jistgħu jaħdmu mingħajr ma jiffaċċjaw ir-riskji li ffaċċjat Daphne, u biex il-pajjiż jirrifjuta l-korruzzjoni, il-gideb, il-biża’ u l-omertà.

“Il-ġustizzja mhijiex xi ħaġa li nistennew għaliha,” qalet. “Hija xi ħaġa li nibnu flimkien bl-għażliet, bil-kliem u bl-azzjonijiet ta’ kuljum tagħna.”

Kien messaġġ li reġa’ deher, b’forom differenti, tul il-lejla kollha.

Il-President ta’ Repubblika Vicki Ann Cremona fetħet il-protesta billi qalet li l-preżenza tan-nies fil-pjazza kienet fiha nnifisha messaġġ.

“F’mument ta’ diżappunt, rabja u inċertezza, għażilna li ma nibqgħux waħedna,” qalet.

Fuq kollox, esprimiet solidarjetà mal-familja ta’ Daphne: “Wara kważi disa’ snin, għadna magħhom. U se nibqgħu magħhom.”

Il-protesta ġabret magħha firxa wiesgħa ta’ għaqdiet tas-soċjetà ċivili, studenti, gruppi ambjentali u kulturali, kif ukoll ġurnalisti.

L-attivista ta’ Occupy Justice Pia Zammit ma ħbietx ir-reazzjoni tagħha għall-verdett.

Ma kinitx kalma, qalet. Kienet xxukkjata. Ħassitha ħażin fiżikament. Meta semgħet il-kliem “mhux ħati”, wara kważi disa’ snin, qalet li ġisimha rreaġixxa qabel ma moħħha seta’ jipproċessa dak li kienet qed tisma’.

Imbagħad ġiet id-disperazzjoni. Iżda Zammit insistiet li l-protesta ma kinitx attakk fuq il-ġurati, u lanqas tentattiv biex verdett jinbidel bil-pressjoni tal-pubbliku.

Qalet li tirrispetta r-rwol kostituzzjonali tal-ġurija u l-awtorità tal-Qorti, iżda sostniet li r-rispett lejn verdett ma jfissirx li wieħed irid ikun konvint minnu.

Id-diskors tagħha mbagħad mar lil hinn mill-każ individwali u ffoka fuq dak li hi ddeskriviet bħala r-riskju ta’ kriminalità organizzata li tintrabat mal-poter politiku u ekonomiku.

F’wieħed mill-aktar mumenti diretti tad-diskors tagħha, Zammit qalet li “mafja” moderna mhux bilfors tidher bħall-immaġni klassika ta’ kriminali armati f’kamra mudlama.

Tista’, sostniet, topera minn boardroom, minn uffiċċju jew saħansitra minn uffiċċju tal-gvern.

Ritratt: James Bianchi/Maltatoday
Ritratt: James Bianchi/Maltatoday

Għaliha, il-periklu jikber meta l-konfini bejn il-poter ekonomiku, il-poter politiku u l-kriminalità jibdew jisfumaw. U l-konsegwenza, wissiet, tista’ tkun is-skiet. Ġurnalist li jibża’ jinvestiga. Whistleblower li jiddeċiedi li aħjar ma jitkellimx. Ċittadin li jikkonvinċi ruħu li m’hemm xejn x’jista’ jagħmel.

Kien proprju kontra dak is-sens ta’ impotenza li tkellem Manuel Delia, uffiċjal eżekuttiv ta’ Repubblika.

Delia qal li jħoss biża’ quddiem pajjiż fejn ġid enormi jista’ jsir poter enormi, u fejn min għandu l-konnessjonijiet jista’ jħalli lil ħaddieħor iħossu ċkejken quddiemu.

Iżda argumenta li l-biża’ għandha risposta waħda: is-solidarjetà.

“Il-poter jiżola. Is-solidarjetà tgħaqqad,” qal.

“M’għandniex bżonn martri. Għandna bżonn ċittadini. Ħadd m’għandu għalfejn jagħmel kollox. Imma kulħadd irid jagħmel xi ħaġa.”

Delia sejjaħ biex jitlestew ir-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika, jiddaħħlu liġijiet effettivi kontra l-mafja u tissaħħaħ il-protezzjoni tal-ġurnalisti u tal-whistleblowers.

Ħeġġeġ ukoll lin-nies jagħmlu pressjoni diretta fuq ir-rappreżentanti politiċi tagħhom — irrispettivament minn liema partit jappoġġjaw — billi jiktbulhom u jitolbuhom jgħidu x’se jagħmlu dwar dawn ir-riformi.

Ritratt: James Bianchi/Maltatoday
Ritratt: James Bianchi/Maltatoday

Il-messaġġ tiegħu ma kienx biex il-folla tagħżel partit, iżda biex iċ-ċittadini jużaw il-poter li diġà għandhom fuq dawk li jirrappreżentawhom.

Għax, qal, filwaqt li investigazzjonijiet jistgħu jagħmluhom l-investigaturi, prosekuzzjonijiet il-prosekuturi u sentenzi l-Qrati, hemm ukoll poter ċiviku li jibqa’ f’idejn in-nies.

Il-protesta għalqet bl-istess idea li mexxiet il-lejla kollha.

“Din mhix xi konklużjoni. Dan mhux tmiem,” qalet Vicki Ann Cremona.

“Il-mixja tkompli.”

U għal familja li tilfet bint, omm, oħt u zija; għal dawk li għal kważi disa’ snin baqgħu jinġabru fix-xemx u fix-xita; u għal pajjiż li għadu jfittex tweġibiet għall-qtil ta’ waħda mill-ġurnalisti tiegħu, dak kien il-messaġġ li baqa’ jidwi fil-pjazza.

More in Kronaka