Protesta fi Brussell b’solidarjetà mal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia

Għaqdiet internazzjonali tal-ġurnalisti u tal-libertà tal-istampa ngħaqdu f’rally fil-kapitali Belġjana fl-istess jum tal-protesta mistennija fil-Belt Valletta

Ritratt: Ricardo Gutiérrez
Ritratt: Ricardo Gutiérrez

Dimostranti nġabru fi Brussell f’protesta ta’ solidarjetà mal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia, fl-istess jum li f’Malta mistennija ssir manifestazzjoni oħra wara l-ħelsien ta’ Yorgen Fenech mill-akkużi li kien il-moħħ wara l-qtil tal-ġurnalista.

Għall-protesta fi Brussell attendew rappreżentanti tal-European Federation of Journalists, l-International Federation of Journalists, il-Committee to Protect Journalists, Reporters Without Borders u l-Balkan Free Media Initiative.

Is-Segretarju Ġenerali tal-European Federation of Journalists, Ricardo Gutierrez, qal li dawk preżenti ngħaqdu ma’ Malta għax jemmnu li “s-skiet mhuwiex għażla”.

Aktar tard l-Erbgħa, NGOs u membri tas-soċjetà ċivili mistennija jinġabru fil-Belt Valletta għal protesta organizzata minn Repubblika, b’solidarjetà mal-familja ta’ Caruana Galizia u b’sejħa għall-ġustizzja.

Fost l-għaqdiet li mistennija jieħdu sehem hemm Moviment Graffitti, li aktar kmieni dan ix-xahar qal li l-avvenimenti tal-aħħar disa’ snin urew, fil-fehma tiegħu, il-ħolqien ta’ klassi ta’ persuni li huma “’il fuq mil-liġi”.

L-għaqda sostniet li Malta teħtieġ bidla fundamentali biex l-istituzzjonijiet tal-pajjiż jaqdu lill-pubbliku, aktar milli lil dawk li għandhom il-ġid jew influwenza politika.

More in Kronaka