Ikisser l-umbrelel u jsuq għal fuq is-siġġijiet fix-xatt ta' Marsalforn

Raġel ġie arrestat wara ħerba li wettaq f'Marsalforn bil-Pulizija tibqa' ssuq warajh sar-Rabat fejn ġie arrestat u baqa' aggressiv

Raġel ġie arrestat f’Għawdex wara li kisser xi umbrelel f’Marsalforn u anke saq bil-vettura għal fuq is-siġġijiet li hemm max-xatt.

Ir-raġel li għandu 30 sena u residenti ż-Żejtun ġie arrestat għall-ħabta ta’ nofsilejl.

Meta l-Pulizija waslu fuq il-post lemħu karozza li kienet qed tinstaq b’veloċità qawwija fil-karreġġjata l-ħażina u li kienet ġejja dritt lejn il-Pulizija. Fi stqarrija, il-Korp spjega kif il-Pulizija rnexxielhom jevitaw il-karozza u baqgħu jsegwuha iżda s-sewwieq injora s-sirena u żied fil-veloċità.

Il-Pulizija mid-distrett, assistiti mill-Pulizija tar-RIU, irnexxielhom jirrirkondaw il-karozza u jwaqqfuha r-Rabat. Ix-xufier ma riedx jinżel mill-karozza u beda jhedded lill-Pulizija.

Huwa baqa’ aggressiv anke fil-lock-up tar-Rabat.

Minħabba li kien hemm suspett li huwa kien taħt l-effett tal-alkoħol, intalab jipprovdi kampjun tan-nifs, iżda wara li ġie imwissi diversi drabi, ir-raġel irrifjuta u kontinwament baqa’ jhedded lill-Pulizija. 

Ir-raġel ta’ 30 sena mistenni jitressaq il-Qorti t’Għawdex illum.

More in Kronaka