20 Każ ġdid ta' persuni bil-Covid-19 ... nofshom immigranti f'Ħal Far u aktar ħaddiema tas-Saħħa

Il-każi tal-Covid-19 f'pajjiżna jkomplu telgħin ... 10 każi huma ta' immigranti f'Ħal Far u anzjan minnhom tilef ħajtu

Waqt li kienet qed tindirizza konferenza tal-aħbarijiet Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci ħabbret  20  każ ġdid ta' Covid-19 fl-aħħar 24 siegħa għal total ta' 370 każ. 

B'kollox saru 1,288 swabs għal total ta' 16,016-il swab sa issa.

Wieħed mill-każi kien l-anzjan li miet u li tħabbret il-mewt tiegħu dalgħodu.

10 każi huma immigranti fiċ-ċentru miftuħ ta' Ħal Far fejn l-immigranti jinsabu fi kwarantina wara li kien jidher illi l-virus qed jinxtered f'dan iċ-ċentru.  Dawn issa ġew iżolati mill-bqija tal-immigranti. 

Gauci tfakkar illi meta jkollok firxa fil-komunità iktar hemm ċans li jinfirex il-virus, għalkemm falkkret ukoll illi l-Gvern ħa miżuri biex jilqa' għal dan permezz ta' kwarantina għaċ-ċentru kollu.  

Intant il-każi l-oħra jinkludu mara Albaniża residenti Għawdex u li taħdem bħala cleaner fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, mara Għawdxija li hija carer fl-istess sptar u li ma kelliex sintomi, mara Maltija ta' 42 sena li hija carer fl-Isptar Karin Grech, mara Maltija oħra ta' 32 sena li hija wkoll carer imma taħdem fil-komunità. 

Mara Maltija ta' 63 sena, raġel Malti ta' 61 sena u tfajla li marret tixtri minn ħanut fejn diġa kien hemm każ - kollha rriżultaw fil-pożittiv.  Sfortunatament din tal-aħħar marret tara lil xi ħadd li jiġi minnha u li hija anzjana u li issa qed tiġi ttestjata.

Fl-aħħar nett raġel li mar fl-istess ħanut li marret it-tfajla u hawn ukoll dan kellu kuntatt ma' ħafna nies, inkluż ħbieb li mar għandhom.  F'dan il-każ iżda s-sintomi baqgħu jiġu u jmorru għal kważi xahar, sakemm iggravaw din il-ġimgħa.

More in Kronaka