Ilbieraħ filgħaxija, għal darb’oħra, reġa’ kien hemm nirien fl-Imsaġar tal-Aħrax tal-Mellieħa u fi kliem l-Għaqda Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, li tamministra ż-żona, in-nirien kienu riżultat ta’ nuqqas ta’ rispett minn persuni li fl-aħħar jiem marru jgħaddu l-ħin fiż-żona.
Skont l-Għaqda, ġew meqruda numru ta’ siġar tal-prinjol li kienu jdawwru l-kamp.
“Meta se ningħataw widen għall-karba tagħna biex dawn l-imsaġar ikollhom l-infurzar meħtieġ ħalli każijiet hekk ma jibqgħux jiġru? Meta jinħarqu l-imsaġar kollha? Għaliex l-awtoritajiet konċernati jibqgħu ma jatux kasna? L-infurzar irid isir fuq il-kaċċatur ukoll, imma mhux biss,” saħqet l-Għaqda.