41 pulizija arrestati, 25 sospiżi u seba' jirreżenjaw

L-aħħar dettalji dwar l-investigazzjoni li għaddejja bħalissa fil-Korp tal-Pulizija

Tela’ għal 41 l-għadd tal-pulizija arrestati bħala parti minn investigazzjoni li għaddejja bħalissa fit-taqsima tat-traffiku.

Fi stqarrija, il-Pulizija saħqet li 25 minnhom ġew sospiżi, filwaqt li seba’ uffiċjali, inkluż supretendent, offrew ir-riżenja tagħhom.

31 uffiċjal tal-pulizija jinsabu fuq police bail.

Il-Korp ikkjarifikat li s-sahra li kienet qed tirreferi għaliha fl-istqarrijiet preċedenti, kienet tikkonsisti f’extra duty, jiġifieri s-servizz li jingħata lil terzi bi ħlas waqt li l-uffiċjali tal-pulizija jkunu frank.

L-investigazzjonijiet għadhom ma waqfux.

Ilbieraħ kien irrapportat li l-whistleblower li espona l-korruzzjoni fit-Taqsima tat-Traffiku tal-Pulizija qed jisħaq li diversi uffiċjali kienu qed jiġbru wkoll flejjes mingħand kumpaniji kbar tal-kostruzzjoni u anke kumpaniji ta’ trasport biex jagħlqu għajnejhom għal kontravenzjonijiet tat-traffiku u ksur ta’ liġi.

Sa issa, il-Pulizija għadha ma ċaħditx dan. 

Skont sorsi li tkellmu ma’ The Malta Independent, hu mifhum li l-whistleblower qed jisħaq li f’Diċembru li għadda diversi pulizija kienu qed jiġbru flus u rigali minn kumpaniji, xi ħaġa li kienet ilha tiġri għal diversi snin, liema flus kienu qed jiddaħħlu f’kont bankarju ta’ uffiċjal partikolari biex aktar tard jitqassam mal-bqija ta’ sħabu.

Jidher ukoll li mill-investigazzjoni rriżulta li ħafna mill-muturi tal-pulizija, li jintużaw minn din it-taqsima, kellhom it-tracking devices imneħħija jew mitfija biex ikun diffiċli biex wieħed isir jaf fejn qiegħdin.

Il-Pulizija lanqas ma ċaħdet li l-investigazzjoni qed tinfirex ukoll f’taqsimiet oħra tal-Korp.

More in Kronaka