25 persuna arrestati waqt tfittxijiet għall-għarrieda f'attivitajiet ta' divertiment

Dan wara tfittxijiet għall-għarrieda waqt attivitajiet ta’ divertiment fil-limiti tar-Rabat

Fil-lejl ta’ bejn l-14 u l-15 ta’ Awwissu, il-Pulizija arrestat 25 persuna li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn is-17 u l-42 sena.

Huma ġew arrestati wara li nstabu fil-pussess ta’ droga kokajina, ħaxixa tal-kannabis, pilloli ecstasy u ketamina.

L-arrest seħħ wara tfittxijiet għall-għarrieda waqt attivitajiet ta’ divertiment fil-limiti tar-Rabat.

Fost il-25 persuna arrestati, kien hemm erba’ persuni, Serb ta’ 37 sena residenti San Pawl il-Baħar, Russu ta’ 21 sena residenti Gwardamanġa, Malti ta’ 28 sena residenti Ħal Qormi u tfajla ta’ 17-il sena residenti Ħal Tarxien, li ġew arrestati b’konnessjoni ma’ sejba ta’ madwar ħamsin pillola ecstasy.

Jidher li dawn kienu lesti biex jiġu ttraffikati.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin u wħud mil-persuni arrestati mistennija jitressqu l-Qorti fis-sigħat li ġejjin. 

Tnejn jinżammu arrestati wieħed jingħata l-ħelsien mill-arrest.

Intant aktar tard illum, f'tliet każijiet separati, tliet irġiel ġew mixlija b’traffikar tad-droga. Raġel ta’ 37 sena minn San Pawl il-Baħar ġie mixli b’traffikar tapilloli ecstasy. Dan ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta' €15,000. Huwa ġie ordnat biex jiffirma kuljum fl-għassa.

Filwaqt li fiż-żewġ każijiet l-oħra, żagħżugħ ta' 28 sena minn Ħal Qormi u żagħżugħ ta' 21 sena mill-Pietà nżammu taħt arrest preventiv fuq akkużi  li traffikaw droga kokaina u pilloli ecstasy waqt il-party tal-bieraħ. L-irġiel wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.

More in Kronaka