Ġlieda bejn sitt persuni kmieni is-sibt filgħodu ġewwa Paceville, ħalliet żewġ persuni midruba b'mod gravi.
Fi stqarrija il-Pulizija qalet li għall-ħabta tas-06:00 am hi ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha ġewwa Triq San Ġorġ, San Ġiljan. II-Pulizija tad-Distrett marru immedjatament fuq il-post fejn minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li kien seħħ argument bejn sitt persuni.
Waqt dan l-argument raġel ta’ 27 sena mill-Kolombja ġie midrub kif ukoll raġel ta’ 34 sena mill-Kolombja li ma kinx involut fl-argument iżda beda jipprova jwaqqaf l-argument.
Allegatament, waqt dan l-argument intużat xi arma li taqta’.
Iż-żewġ irġiel ittieħdu l-Isptar Mater Dei permezz t’ambulanza, fejn aktar tard iż-żewġt irġiel ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi ta' natura gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.