'It-tifel tagħna mhux tifkira ta' trawma...mhux hu stuprani, dak ibni' - Jennifer Christie
Mara li sfat stuparata imma żammet lit-tarbija, tappella...
More in Kronaka
Mara li sfat stuparata imma żammet lit-tarbija, tappella...
Iktar minn tlett kwarti ta’ ommijiet ta’ tfal li twieldu wara ġew stuprati jagħżlu li ma jabortux, skont Jennifer Christie, li hi nnifisha kienet vittma ta’ stupru li għażlet trabbi t-tarbija tagħha bħala waħda mit-tfal tagħha.
Christie qalet: “75-85% ta’ ommijiet ta’ tfal li twieldu wara li ġew stuprati jgħidu le għall-abort fejn għandhom l-għażla. L-istupru mhux l-eċċezzjoni li tiftaħ il-bieb għall-abort. Għalina sempliċi ħafna: il-vjolenza u t-trawma qatt m’għandha tiġi kkurata b’iktar vjolenza u t-trawma. Dak li aħna bħala bnedmin qatt ma jiġi determinat minn kif aħna niġu konċepiti.”
Jennifer u r-raġel tagħha għal dawn l-aħħar 23 sena, Jeffrey, jinsabu Malta biex jieħdu sehem fil-Marċ għall-Ħajja nhar il-Ħadd fit-3.30 p.m. fil-Belt. It-tnejn mistennija jitkellmu quddiem dawk li ser ikunu hemm. Il-parteċipanti ser jinġabru fil-pjazza quddiem Kastilja, minn fejn jibdew il-mixja fi Triq Merkanti, Triq il-Ganċ (quddiem il-Konkatidral ta’ San Ġwann) u fi Triq ir-Repubblika, u jispiċċaw quddiem il-bini tal-Parlament.
Jinsabu hawn Malta biex jgħidu l-istorja tagħhom. “Din mhix storja rari. It-tifel tagħna mhuwiex tifkira ta’ trawma orribbli. Huwa rigal sabiħ; huwa fejqan; mhuwiex tarbija ta’ dak li stuprani; huwa l-iben tagħna. Jien mhinix mara li qegħda tirrakkonta storja waħda, iżda nirrappreżenta l-maġġoranza kbira ta’ ommijiet minn stupru li jsibu ferħ u wens fil-fejqan wara din it-trawma permezz ta’ uliedna.”
Il-koppja Christie għajjew jisimgħu lil ħaddieħor jitkellem f’isimhom. “Għalhekk irridu naqsmu l-istorja tagħna u ma rridux li n-nies jużaw it-tarbija mill-istupru bħala skuża biex jinqatlu miljuni ta’ tfal oħra,” hi qalet. Tista’ taqra l-istorja ta’ Jennifer hawn: https://unbrokenireland.org/stories/jen-christie/.
Jeffrey, li kien jaħdem fil-militar, huwa l-parti kalm u loġiku fir-relazzjoni ta’ bejniethom, li bdiet meta t-tnejn kienu għadhom żgħażagħ l-iskola f’California, fl-Amerika. Jgħid li l-karattri tagħhom jikkumplimentaw lil xulxin, b’Jennifer malajr jitlalha u kollha emozzjoni. Apparti milli hi l-omm tal-erbat itfal tiegħu, taħdem ukoll bħala interpretu tal-lingwa tas-sinjali.
Għal Jeff, dak kollu li ġara ma kienx faċli għalih ukoll, iżda kellu jrażżan l-emozjonijiet tiegħu biex ikun il-blata u l-element ta’ kalma għaliha u għall-familja. Jgħid li Jennifer sabet għajnuna minn Save the 1, organizzazzjoni li hi mmexxija min Rebecca Kiesling, li ġiet Malta sentejn ilu għal avveniment ieħor organizzat mill-Fondazzjoni Life Network Malta.
Jennifer għamlet appell ukoll lil membri tal-professjoni medika biex dawn ma jassumux li l-abort hi l-‘għażla’ biex tindirizza l-‘problema’. Ħeġġet lil dawk kollha li jinsabu f’din is-sitwazzjoni biex ifittxu jieħdu parir, li jistgħu jiksbuh f’Malta permezz tal-Fondazzjoni Life Network Malta li toffri numru ta’ servizzi permezz tas-sit tagħhom www.LifeLineMalta.eu.