65 suldati ġodda fil-Forzi Armati ta' Malta

 Il-Ministru jgħid li xahar ieħor se jibda reklutaġġ ieħor sabiex ilaħħaq mal-bżonn tal-armata

Jeremy Wonnacott- DOI
Jeremy Wonnacott- DOI

Illum, 65 suldati ġodda fosthom 6 nisa ġew ingaġġati fi ħdan il-Forzi Armati ta’ Malta wara li ġeddu l-ġurament tal-ħatra fil-passing out parade li saret ġewwa l-Barracks ta’ Ħal Luqa. Ir-rekluti temmew ħames xhur ta’ taħriġ intensiv li jinkludi taħrig fiżiku, fl-użu tal-armi, fid-drill u suġġetti militari oħrajn. 

Ir-rekluta Matthew Spiteri ngħata x-'shield' tal-'best recruit' f’dan l-ingaġġ. Il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati, il-Brigadier Jeffrey Curmi u l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali  Michael Farrugia ppresedew iċ-ċerimonja.

Il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta filwaqt li laqa’ b’sodisfazzjon dawn is-suldati ġodda, qal li għall-ewwel darba bħala parti mir-reklutaġġ, dawn ir-rekluti ġew sottomessi għal 'command task' u 'mutual drill' li saru f’ġurnata waħda.

Dan sabiex jesperjenzaw l-importanza li wieħed jaħdem f’tim u jkunu sottomessi għall-pressjoni tax-xogħol li huwa differenti minn dak li wieħed iħoss fuq il-bank tal-iskola. Il-Kap Kmandant Curmi saħaq li l-armata qed taħdem qatiegħ sabiex tkompli tinvesti fir-riżorsi umani, biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u tkompli tħajjar aktar persuni jissieħbu fi ħdanha.

Il-Ministru Michael Farrugia feraħ lil dawn is-suldati ġodda u saħaq li l-armata tista’ tkompli tissaħħaħ billi jiżdiedu r-riżorsi umani. Huwa aċċenna biex ir-rekluti jgħarfu l-opportunitajiet li toffri l-Armata ħalli javvanzaw fil-karriera tagħhom. Il-Ministru ħabbar li ħafna minn dawn ir-rekluti ser ikunu ingaġġati fis-Sea Company. Huwa ħabbar ukoll li xahar ieħor se jkun qed jibda reklutaġġ ieħor sabiex ilaħħaq mal-bżonn tal-armata tal-lum.

Il-Ministru Michael Farrugia għamel referenza għall-ftehim settorali tal-Pulizija li għadu kif ġie ffirmat jumejn ilu. Huwa qal li diġà kellu xi laqgħat mal-unions sabiex mill-esperjenza ta’ dan il-ftehim tintuża bħala bażi għall-Korpi Dixxiplinati l-oħra. Huwa sostna li titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, bi dritt ta’ parteċipazzjoni f’union, it-talba tal-ħaddiema ser tkun qed tinstema. Dan kuntrarju għal kif kien isir qabel fejn il-ħaddiema fil-Korpi Dixxiplinati kien ikollhom jaċċettaw dak biss li kien ikun imponut fuqhom. Il-Ministru kompla li fil-jiem li ġejjin se jkun qed jitħabbar proposta sabiex tingħata aktar protezzjoni lil dawk li jissugraw ħajjithom biex jipproteġu liċ-ċittadini Maltin.

Il-Ministru Farrugia tkellem ukoll fuq it-tisħiħ tas-'cyber security', fejn il-Ministeru qed jaħdem biex tkompli tissaħħaħ id-difiża ta’ pajjiżna. Fi tmiem id-diskors tiegħu huwa awgura futur sabiħ lis-suldati l-ġodda.

 

More in Kronaka