Esklussiva | Jisirquh minn ATM
- Persuna iffrodata €500 bl-użu ta’ skimmer
- Il-Bank APS jikkonferma l-frodi u jieħu azzjoni immedjata
minn Jesmar Baldacchino
L-ILLUM tista’ tiżvela kif grupp ta’ kriminali qed jagħmlu użu minn apparat magħuf bħala skimmers biex jisirqu d-dettalji tal-karti tal-kreditu tan-nies, meta jagħmlu użu tal-ATMs biex jiġbdu l-flus mill-bank.
L-iskimmers jitwaħħlu mal-post fejn tiddaħħal il-karta tal-kreditu fl-ATM u f’bosta tkun perfettament simili għall-apertura fejn tidħol il-karta, li tagħmilha ferm diffiċli biex persuna tinduna mal-ewwel.
L-ILLUM hija infurmata b’tal-inqas żewġ każijiet fejn persuni spiċċaw vittma ta’ frodi. ATM partikolari kienet dik tal-APS fi Triq ir-Repubblika fil-Belt Valletta, li kienet imbagħbsa bi skimmer lejn l-aħħar ta’ Awwissu li għadda.
Persuna li spiċċat vittma ta’ frodi u li tkellmet mal-ILLUM spjegat kif marret tagħmel rapport l-għassa tal-Belt wara li indunat li kienu ttieħdulha €500 mingħajr ma kienet taf. L-aħħar li użat il-karta tal-kreditu kienet f’din l-ATM.
Hi qatt ma tilfet il-karta tal-kreditu imma ġiet irrepplikata mill-iskimmer minn persuni oħra meta użata l-aħħar. L-użu ta’ skimmer kien ikkonfermat mill-bank APS, li kkonferma wkoll li se jrodd lura l-ammont tal-flus li jinsteraq bi frodi mill-ATM.
Qaltilna li l-bank tagħha tkellem ma’ kull min għamel użu minn din l-ATM partikolari u ntqalilhom li se tinħarġilhom karta tal-kreditu ġdida. Jirriżulta li dawn il-kriminali li serqu d-dettalji tal-karti tal-kreditu kienu qed jiġbdu l-limitu massimu f’ġurnata li jista’ jinġibed fi flus.
Każ ieħor li taf bih l-ILLUM kien jikkonċerna ATM fil-Balluta.
Dwar dan il-każ ta’ frodi, b’metodi pjuttost ġodda, l-ILLUM tkellmet mal-Head of Operations tal-bank APS Wilhelm Attard li kkonfermalna li l-bank kellu quddiemu każ fejn ATM spiċċat fil-mira ta’ kriminali, li permezz ta’ skimmer iffrodaw persuni oħra.
Attard spjega li dawn il-każijiet bl-użu tal-iskimmers intemmu hekk kif il-bank wettaq miżuri ta’ sigurtà u karatteristiċi ġodda fl-ATMs u biex il-bank jipproteġi l-klijenti tiegħu, jagħmel assessjar tar-riskji u jieħu miżuri apposta fejn meħtieġ.
Waħda minn dawn il-miżuri ta’ sigurtà ġodda hija l-installar ta’ PIN guards mal-parti tal-keypad.
Attard enfasizza li l-klijenti għandhom irwol importanti biex jgħarrfu lill-banek b’miżuri ġodda ta’ frodi li jkunu qed jintużaw mill-kriminali u dan ukoll fl-użu ta’ servizzi oħra bħalma huwa l-internet banking.
Regolarment, il-passwords għandhom jiġu aġġornati filwaqt li jsir użu ta’ software ta’ antivirus modern fuq il-kompjuters u l-laptops, li jkollhom aċċess għall-internet.
X’inhi Skimmer?
Kriminali jistgħu jisirqu d-dettalji minn karta tal-kreditu permezz ta’ skimmer, li huwa apparat li jitpoġġa fuq jew mal-post minn fejn tidħol il-karta tal-kreditu fl-ATM.
Dan l-apparat ikun simili ħafna għal din il-parti tal-ATM.
Dan l-iskimmer jieħu d-dettalji tal-karta tal-kreditu bin-numru tal-kont bankarju. L-iskimmers saru ferm sofistikati matul iż-żmien li jagħmilha aktar diffiċli li wieħed jinduna bihom.
Uħud minnhom għandhom saħansitra kamera żgħira immens moħbija, li biha l-kriminali jkunu jistgħu jiffilmjaw ukoll in-numru tal-PIN tal-karta tal-kreditu.
Il-maġġoranza l-kbira ta’ dawn l-iskimmers jitpoġġew mal-ATMs biex ikunu jistgħu jerġgħu jittieħdu faċilment mill-kriminali.
Ġeneralment l-iskimmers jistgħu jinqalgħu mill-ATM jekk wieħed ikollu suspett. Il-banek jafu li dawn l-iskimmers qed isiru aktar soffistikati u għalhekk joħorġu avviżi importanti lill-klijenti tagħhom bi żviluppi ġodda u kif wieħed jista’ joqgħod aktar attent li ma jispiċċa vittma ta’ xi forma ta’ ‘scam’.
Jekk wieħed jara li hemm xi ħaġa ħażina jew li mhux tas-soltu mal-ATM għandu jevita li jagħmel użu minnha u minflok juża oħra, filwaqt li jirrapporta minnufih lill-bank u l-Pulizija.
