Persuna li jaħdem għal rasu mill-Libja imma li jgħix Malta ngħata ħelsien mill-arrest fuq il-kundizzjoni li tħallas multa ta' €850 wara li nstab ħati ta' pussess ta' droga aggravat f'Pacevile f'Diċembru li għadda.
Emad Abdelhamid Younis kien arrestat nhar l-4 ta' Diċembru tas-sena l-oħra fi blokka t'appartamenti faċċata tal-istabbiliment Footloose wara li kien instab li kellu fil-pussess tiegħu kannabis u kokaina li l-Pulizija kellhom supett li ma kienux għall-użu personali.
Malli kien arrestat Younis ċaħad illi b'xi mod kien qed ibiegħ id-droga u spjega illi hu kien jaħdem għal rasu bħala kaħħal u kien qed jaqla' bejn €2,000 u €2,800 kull xahar jew iktar minn €33,600 fis-sena. Hu kien qal li kien joqgħod f'appartament ma' ħamest'iħbieb Libjani oħrajn.
Fil-Qorti huwa ammetta li jpejjep żewġ grammi ta' marijuana kuljum u jonfoq mal-€420 fix-xahar filwaqt li kien jonfoq madwar €900 oħrajn biex jixtri l-kokaina. Younis kien akkużat bil-pussess ta' reżina tal-kannabis u ħaxixa, f'ċirkostanzi li wrew illi ma kienux għall-użu strettament personali. Kien akkużat ukoll illi kien fil-pussess ta' kokaina, li m'obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija u li wettaq att kriminali inqas minn 100 metrul-bogħod minn post fejn jinġabru in-nies.
Il-Qorti sabet l-akkużat ħati ta' kull akkuża.