Mal-wasla tagħhom il-Belt, il-passiġġieri ser jibdew jinżlu mill-karozza tal-linja fiż-żona magħrufa bħala l-Biskuttin minn nhar il-Ħadd li ġej. Il-passiġġieri mhux ser jibqgħu jieqfu fejn hemm il-kjosks quddiem bieb il-Belt. Iż-żona magħrufa għal għexieren ta’ snin bħala l-venda tal-Belt, ser tinbidel f’żona pedonali u ser tilqa’ l-aħħar karozza tal-linja nhar is-Sibt billejl.
Il-proġett ta’ quddiem id-daħla tal-Belt ser jidħol f’fażi oħra fil-ġranet li ġejjin. Ix-xogħlijiet f’King Edward Avenue kważi lesti u x-xogħol ser jitkompla fl-inħawi tal-Funtana tat-Tritoni. Hawnhekk ix-xogħol ser jinvolvi postijiet għas-siġar, installazzjoni ta’ servizzi u reservoirs għal-ilma biex il-pjazza ssir żona pedonali.
Waqt ix-xogħlijiet u bħala miżura ta’ sigurta’, in-naħa tal-funtana ser tingħalaq għal-pubbliku. Il-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, ser tagħmel passaġġ biex in-nies jimxu b’mod sikur lejn il-Belt u l-Furjana waqt li għaddej ix-xogħol. Dan il-passaġġ ser jibda jintuża mill-Ħadd li ġej. Għaldaqstant inħeġġu l-pubbliku biex jimxi mas-sinjali fuq il-post.
Devjazzjonijiet tat-traffiku minħabba xogħlijiet fuq il-proġett tal-Pjazza ta’ Raħal Ġdid
Trasport Malta, tixtieq tavża wkoll li minn nhar it-Tnejn 13 ta’ Marzu 2017, se jidħlu fis-seħħ numru ta’ devjazzjonijiet tat-traffiku f’Raħal Ġdid hekk kif se jibda x-xogħol marbut mal-proġett ta’ tisbieħ tal-pjazza mmexxi mill-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta.
Għaldaqstant, it-traffiku ser jigi ddevjat kif ġej:
- It-traffiku fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid se jgħaddi minn korsija waħda fiż-żewġ direzzjonijiet minflok minn tnejn bħas-soltu, jigifieri mit-triq tan-naħa tal-Knisja;
- Minn Triq Ħal Luqa u Triq Ħal Tarxien se jgħaddi lejn Triq Valletta biss; mhux se jkun hemm aċċess għal Triq Bormla u Triq Ħaż-Żabbar;
- Triq Bormla direzzjoni lejn il-pjazza mhux se tkun aċċessibbli;
- Minn Triq Ħaż-Żabbar il-vetturi se jkunu jistgħu jitilgħu għad-direzzjoni ta’ Santa Luċija jew jgħaddu dritt għal Triq Valletta.
- It-traffiku minn Triq Valletta, direzzjoni min-naħa tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin lejn il-pjazza, se jgħaddi kif inhu bħalissa.
Dawn id-devjazzjonijiet se jibqgħu fis-seħħ sa Ġunju 2017 jew sa meta jinħareġ avviż ieħor.
Il-post huwa sit tal-kostruzzjoni u għaldaqstant is-sewwieqa huwa mitluba jżommu mal-limitu tal-veloċità, isegwu t-tabelli u l-istruzzjonijiet tal-uffiċjali.