Raġel ta' 34 sena miż-Żejtun tilef ħajtu wara li waqa' minn irdum fix-Xgħajra waqt li kien qed isuq quad bike.
L-inċident seħħ iktar kmieni llum għall-ħabta ta' 12.05, meta l-Pulizija mid-Distrett ta’ Ħaż-Żabbar ġiet mgħarrfa li persuna kien waqa’ minn fuq l-irdum fl-inħawi magħrufa bħala l-Ġolf tat-Tafal, ix-Xgħajra.
Il-Pulizija tad-Distrett marru immedjatament fuq il-post fejn minn l-ewwel stħarriġ deher li waqt li grupp ta’ ħbieb kienu qed isuqu quad bikes, għal xi raġuni wieħed minnhom, raġel ta’ 34 sena residenti ż-Żejtun waqa’ għal isfel minn fuq l-irdum u ġie fuq il-blat.
Fuq il-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, il-Forzi Armati ta’ Malta permezz ta’ helikopter, kif ukoll ambulanza b’tim mediku. Minkejja dan, ir-raġel laħaq tilef ħajtu hekk kif kien qed jiġi assistit sabiex jittella'.
Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa fejn ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.