'L-armi użati fil-hijack kienu repliki'

Il-hand grenade u l-pistoli li ntużaw ma kinux ta' vera

Il-hand grenade u ż-żewġ pistoli misjuba fuq il-persuna tal-hijacker u fuq l-ajruplan irriżultaw li huma biss repliki. Dan ikkonfermah il-Prim Ministru Joseph Muscat fi tweet fejn qal li minn eżamijiet forensiċi, irriżulta li l-armi li ntużaw f'dan il-hijack kienu biss repliki.

Fi stqarrija, il-Gvern qal kif minn investigazzjonijiet li saru fuq l-armi, "jirriżulta li dawn kienu armi 'replica' li jixbhu eżattament armi ta’ vera iżda internament il-mekkaniżmu jkun differenti. 

"L-operazzjoni biex tiżgura li l-ajruplan ma għandux armi, splussiv, jew perikli oħra hija waħda delikata u li tieħu ż-żmien, u se tibqa’ għaddeja fis-sigħat li ġejjin," tkompli tgħid l-istqarrija.

Wara iktar minn erba' sigħat ta' stennija għal żviluppi, il-hijack li beda ftit wara l-11.30 ta' filgħodu ntemm mingħajr l-ebda persuna ma' weġġgħet hekk kif inħelsu l-109 passiġġier, flimkien mal-ekwipaġġ.

Hekk kif inħelsu l-passiġġiera, raġel deher joħroġ mill-ajruplan ixejjer bandiera ħadra, simbolu tal-gvern Libjan taħt l-eks mexxej Gaddafi.

F'konferenza tal-aħbarijiet iktar kmieni, il-Prim Ministru qal kif sa dak il-ħin, ma kienet saret l-ebda talba għall-ażil politiku f'pajjiżna mill-hijacker, filwaqt li qal li nstabu hand grenade u pistola fuq il-persuna tal-hijacker u pistola oħra abbord l-ajruplan li issa rriżulta li dawn ma kienu xejn għajr repliki.

More in Kronaka