Iktar minn sagħtejn ilu, ajruplan li kellu jmur lejn il-belt kapitali Libjana Tripli, spiċċa biex ġie Malta, hekk kif żewġ persuni abbord, heddew li jisplodu l-ajruplan jekk dan ma jagħmilx l-inżul tiegħu f'Malta.
Abbord kien hemm 111-il passiġġier u 7 membri tal-ekwipaġġ, li bdew jinħelsu iktar minn siegħa ilu, u l-Prim Ministru kkonferma ftit ilu li total ta' 109 passiġġiera ġew meħlusa. Dan ifisser li abbord ma kien għad fadal l-ebda passiġġier għajr iż-żewġ persuni li kienu qed jheddu fuq l-ajruplan.
Hekk kif bdew jiġu meħlusa wkoll anke diversi membri tal-ekwipaġġ, raġel li ma kienx liebes uniformi u għaldaqstant huwa mifhum li huwa wieħed miż-żewġ highjackers, ħareġ mill-ajruplan iġorr u jxejjer bandiera ħadra. Il-bandiera ħadra hija assoċjata mal-Libja fi żmien it-tmexxija ta' Gaddafi, kif inhu mifhum li l-highjackers huma sostenituri tal-eks mexxej Libjan u parti minn Al Fateh Al Gadida.
Sorsi mill-Gvern ikkonfermaw li ż-żewġ highjackers qed jitolbu għall-ażil f'pajjiżna. Dan filwaqt li aġenzija tal-aħbarijiet Torka ikkwotat dak li qal id-direttur tal-kumpanija tal-ajru Libjana li l-highjackers talbu għall-ażil politiku f'Malta.
Dan minkejja li rapporti oħrajn, fosthom ta' dak li qal membru tal-parlament Libjan li kien jinsab abbord, għadhom jindikaw li għadu mhux magħruf x'inhu dak li qed jitolbu dawn il-highjackers.
Aqra iktar hawnhekk...