Il-hijackers li ħatfu l-Ajruplan Libjan u ġiegħluh jinżel Malta aċċettaw li jċedu l-armi u jħallu l-111 passiġġier abbord jinżlu. L-ewwel li tħallew jinżlu kien ġrupp ta' 25 nisa u tfal. Warajhom niżlu grupp ieħor ta' 25, sakemm fl-aħħar tħallew jinżlu l-passiġġieri kollha. Bħalissa fuq l-ajruplan fadal biss iż-żewġ pirati, flimkien mas-seba' membri tal-ekwipaġġ. Is-sitwazzjoni viċin l-ajruplan kienet il-ħin kollhu waħda kalma hekk kif il-passiġġieri niżlu kollha bil-kalma u b'mod ordnat, u marru fil-coaches li ntbgħatu hemm għalihom.
Aktar kmieni...
Għall ħabta tal-11:30 tal-dalgħodu, fl-Ajruport ta' Malta, niżel ajruplan tal-linja Afriqiyah Airways, li jingħad li ġie maħtuf u dirottat biex jinżel Malta. L-ajruplan tat-tip Airbus A320 qed iġorr 111 passiġġier flimkien ma' 7 membri tal-ekwipaġġ , li bħalissa huma ostaġġi ta' żewġ persuni mhux identifikati li qed isostnu li huma sostenituri ta' Gaddafi u li lesti jeħilsu lill-passiġġieri, iżda mhux l-ekwipaġġ, jekk ir-rikjesti tagħhom jintlaqgħu. S'issa iżda għad m'hemmx rapporti dwar x'qed jintalab. Iż-żewġ persuni li ħatfu l-ajruplan heddew li jisploduh jekk ma jinżilx Malta, flok Tripli, fejn kien originarjament pjanat li jinżel.
Il-Ministru tat-Trasport Libjan Milad Matoug, waqqaf 'crisis commitee' biex tieħu ħsieb ta' din il-kriżi, hekk kif bdew in-negozjati mal-hijackers. Fuq il-post, il-kundizzjonijiet tal-hijackers qed ikunu innegozjati minn tim ta' negozjaturi Maltin, immexxi mill-Brigadier Jeffrey Curmi.
Fl-ajruport qed jittieħdu bosta miżuri ta' emerġenza. Intant, kemm il-Prim Ministru Joseph Muscat u anke l-kap tal-Oppożizzjoni Simon ppublikaw 'Tweets' dwar l-ajruplan li ġie mġiegħel ibiddel ir-rotta waqt titjira interna fil-Libja. Il-President Marie Louise Coleiro Preca għamlet appell biex tinżamm il-kalma waqt din is-sitwazzjoni. L-Arċisqof Scicluna intant appella għal talb fid-dawl ta' din is-sitwazzjoni delikata.
L-ajruplan tal-Afriqiyah niżel l-ajruport fil-11:32, wara li telaq minn Sabha, fin-naħa t'isfel tal-Libja fl-10:10 ta' dalgħodu. Suppost kellhu jinżel fl-ajruport ta' Tripli fil-11:20, iżda tul it-titjira jidher li tal-inqas żewġ persuni ħatfu l-kontroll tal-ajruplan u heddu li jisploduh jekk ma jinżilx Malta.
Bħalissa fl-ajruport jinsab fi stat ta' allerta u qed tittieħed kull prekawzjoni neċessarja. Toroq madwar l-ajruport ġew magħluqin filwaqt li fl-ajruport hemm preżenza kbira minn naħa tal-Pulizija u l-Forzi Armati, kif ukoll mil-Protezzjoni Ċivili, flimkien ma' ambulanzi.
Intant, minn kollegament li l-ILLUM għandha ma Brussell, jidher li numru kbir ta' ħaddiema Maltin li kienu se jtiru lura lejn Malta għall-Milied, jinsabu mħassbin dwar it-titjiriet lejn Malta li diġà qed jiġu sospiżi.
Ibqgħu segwi l-aġġornamenti kontinwi fuq illum.com.mt