Ħabta bejn żewġ 'coaches' tat-turisti fuq il-bypass tal-Mellieħa, aktar kmieni llum wara nofsinhar, ħalliet disa' minn nies midruba. Seba' minnhom ittieħdu l-Isptar Mater Dei, filwaqt li tnejn oħra ttieħdu ċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta.
Il-Pulizija mid-Distrett tal-Qawra marru mmedjatament fuq il-post, fejn minn stħarriġ illi sar, irriżulta li kien seħħ impatt bejn vettura tat-tip Volvo B10M li kienet qegħda tiġi misjuqa minn ġuvni ta’ 24 sena residenti l-Mosta u vettura tat-tip Man-MCV Evolution li kienet qegħda tiġi misjuqa minn Tunesin ta’ 35 sena residenti Birżebbuġia.
Wara li tim mediku mar fuq il-post jinvista l-passiġġieri taż-żewġ 'coaches', l-awtoritajiet ikkomfermaw li ħadd ma jinsab f'kundizzjoni ħażina wara l-ħabta u li hemm aktar nies trattati għall-qatgħa milli għal weġgħat.
Il-persuni li ttieħdu l-Isptar huma x-xufier ta’ 24 sena, tfajla Taljana ta’ 18-il sena u tlett ġuvintur Taljani ukoll li l-età tagħhom tvarja bejn it-18-il sena u l-21 sena u żewġ nisa Irlandiżi ta’ 26 u 28 sena.
L-aħbar saret magħrufa permezz ta' kumment li ħalla fuq Twitter, il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, li fl-aħħar aġġornament tiegħu huwa ta nformazzjoni li wieħed mill-midruba kien ix-xufier ta' waħda mill-'coaches' u li ebda waħda mill-persuni li ttieħdu l-isptar ma tinsab f'kundizzjoni ħażina.