Żagħżugħ ta' 27 sena, identifikat bħala Nick Agius minn Raħal Ġdid kien it-tieni vittma ta' inċident stradali f'madwar 24 siegħa, meta tilef il-kontroll tal-mutur li kien qed isuq u baqa' dieħel fejn, fejn ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post. Il-passiġġiera li kienet miegħu fuq il-mutur sofriet xi ġrieħi waqt l-inċident.
L-inċident seħħ ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tad-9:30pm meta ġuvni ta' 27 sena minn Raħal Ġdid tilef ħajtu wara li kien involut f'inċident tat-traffiku fi Triq Reġjonali, direzzjoni lejn San Ġiljan.
Minn investigazzjonijiet preliminari li saru mill-Pulizija tad-Distrett tal-Imsida, jidher li għal xi raġuni l-ġuvni li kien qed isuq mutur tat-tip Honda CB, tilef il-kontroll u baqa’ dieħel ġo ħajt. Passiġġiera fuq l-istess mutur kien hemm tfajla ta’ 24 sena, residenti r-Rabat.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ħa lit-tfajla l-Isptar Mater Dei għall-kura. Iżjed tard ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi gravi iżda mhux fil-periklu li titlef ħajjitha.
Sfortunatament is-sewwieq tal-mutur ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
Bil-każ ġie infurmat ukoll il-Maġistrat tal-Għassa li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh.
Dan jiġi ġurnata wara li Andrè Debattista tilef ħajtu fuq il-post meta kien qiegħed jimxi flimkien ma' bintu ta' 10 snin fit-triq maġenb l-Għadira fil-Mellieħa.