Sewwieq ta' mutur fil-periklu tal-mewt wara ħabta fl-Imġarr

Raġel f’qagħda kritika wara inċident tat-traffiku

Għall-ħabta tat-8:10am, il-Pulizija ġiet infurmata li kien seħħ inċident tat-traffiku fi Triq Għajn Tuffieħa, L-Imġarr. 

Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li għal xi raġuni kien seħħ impatt bejn vettura tat-tip Toyota Rav 4 u mutur tat-tip Kawasaki ZR7 li kienu qegħdin jinstaqu f’direzzjonijiet opposti. 

It-Toyota kienet qiegħda tinstaq lejn Għajn Tuffieħa minn raġel ta’ 43 sena residenti Ħaż-Żebbuġ filwaqt li l-mutur kien qed jinstaq minn raġel ta’ 55 sena, li joqgħod il-Fgura. 

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lis-sewwieq tal-mutur l-Isptar Mater Dei għall-kura.  Iktar tard huwa ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt.  Ir-raġel ta’ 43 sena ma sofra l-ebda ġrieħi. 

Bil-każ ġiet nfurmata l-Maġistrat tal-Għassa li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta. 

It-triq bħalissa tinsab magħluqa għat-traffiku, u l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

More in Kronaka