[Bil-filmat] ‘Jien mhux Nażist imma n-Nażismu kien tajjeb fi żmienu’ – Norman Lowell

Norman Lowell jgħid li s-solidarjetà tal-Maltin mal-immigranti hija frott il-politika tal-"bluha" tal-Knisja.

Il-mexxej tal-Imperium Europa Norman Lowell
Il-mexxej tal-Imperium Europa Norman Lowell

F’intervista mal-aġenzija tal-aħbarijiet Amerikana Vice News, Norman Lowell, saħaq li għalkemm il-bandiera tal-Imperium Europea hija simili għal dik tan-Nażismu, huwa “mhux Nażist, iżda madankollu, n-Nażismu hija ideoloġija tal-passat li fi żmienha kienet tajba.”

Lowell, li fl-2013 ingħata sentenza sospiża wara li ġie kkundannat li inċita mibegħda razzjali u li ġie deskritt bħala “white supremacist” matul l-intervista, saħaq li razzist għax hu ma jobgħodx razzi oħrajn, iżda minflok, huwa ddeskriva lilu nnifsu bħala razzjalist, iġifieri xi ħadd “li jħobb ir-razza tiegħu u lil pajjiżu.”

 

Matul l-intervista, l-intervistatur saqsa lil Lowell għaliex huwa għadu qatt ma ġie elett mill-elettorat Malti u li dan ifisser li l-poplu Malti għandu iktar solidarjetà mat-tbatija tal-immigranti li jiġu Malta. Però Lowell tenna li din is-solidarjetà hija frott tal-politika tal-Knisja.

 “Il-Knisja bdiet dan kollu .. Din il-bluha li aħna kollha aħwa għax ulied Alla.”

Huwa jkompli jgħid li l-unika soluzzjoni għall-immigrazzjoni hija li twaqqaf lin-nies milli jidħlu f’Malta, u li dan għandu jseħħ anke jekk ifisser il-mewt ta’ dawn l-immigranti. Huwa qal li hemm bżònn li jkun hemm “gun boat” sabiex twaqqaf lill-immigranti 14-il mil ‘il barra mit-territorju Malti. “Il-problema hija li meta jiġu Malta jnaqqsu l-istandards ta’Malta għall-istandards tagħhom.”

Lowell jkompli jsostni li għalkemm il-Migrant Offshore Station (MOAS) salvat eluf ta’immigranti fil-Mediterran, dawn huma “tradituri” għaliex qed jkunu “kompliċi fil-qerda ta’ din il-gżira.”

Kompla jgħid li l-persuni li jaqsmu l-baħar lejn l-Ewropa mhumiex sempliċiment migranti iżda immigranti illegali, u staqsa wkoll għaliex dawn jiġu f’Malta meta jgħixu f’kontinent daqshekk vast b’ħafna riżorsi.

More in Kronaka