Il-General Workers’ Union (GWU) irreġistrat tilwima industrijali ġewwa l-MCAST favur membri tagħha li huma professjonisti mhux edukattivi bil-warrant.
Fi stqarrija, it-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi tal-GWU qalet li n-negozjati relatati mal-ewwel ftehim kollettiv tagħha ġewwa l-MCAST ilhom konklużi għal diversi ġimgħat.
L-Union spjegat li matul il-proċess kienet ingħatat diversi assigurazzjonijiet li l-ftehim kien se jiġi ffirmat fi żmien qasir.
Madankollu, il-GWU qalet li minkejja dawn l-assigurazzjonijiet, il-proċess qed jieħu aktar fit-tul milli mistenni u sal-lum għadha ma ġietx ikkomunikata data ċara għall-iffirmar tal-ftehim.
Skont l-Union, din is-sitwazzjoni qed toħloq “frustrazzjoni ġustifikata” fost il-membri konċernati, b’mod partikolari minħabba li diġà hemm qbil verbali dwar il-pakkett finanzjarju l-ġdid li huma mistennija jibbenefikaw minnu.
Il-GWU sostniet li ma tistax tibqa’ tistenna “indefinittivament” filwaqt li l-membri tagħha jibqgħu mingħajr ċertezza dwar meta se jidħol fis-seħħ il-ftehim il-ġdid.
Għaldaqstant, l-Union irreġistrat tilwima industrijali u ħarġet direttivi lill-membri tagħha.
Il-GWU qalet li dawn id-direttivi se jibqgħu fis-seħħ sakemm tingħata data konkreta għall-iffirmar tal-ftehim kollettiv.