Inċident tat-traffiku fatali ieħor f’Għawdex

Tfajla ta’ 22 sena mietet f’ħabta bejn żewġ karozzi. It-tielet inċident fatali f’Għawdex din is-sena

Jessica Tabone ta’ 22 sena min-Nadur tilfet ħajjtiha ftit tal-ħin wara li ddaħħlet l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu. Jessica hija t-tielet vittma li mietet f’inċident tat-traffiku fil-gżira Għawdxija mill-erba’ inċidenti fatali li seħħew din is-sena.

L-inċident li fih tilfet ħajjitha Tabone seħħ għall-ħabta tat-3.30 a.m. fi Triq ir-Rabat, fix-Xlendi limiti tal-Munxar. Stqarrija tal-Pulizija tgħid li karozza Vauxhall Insignia misjuqa minn raġel ta’ 20 sena mill-Għasri u karozza Honda CRX misjuqa minn ġuvni ta’ 25 sena mir-Rabat, Għawdex kienu involuti f’ħabta bejniethom. Jessica Tabone kienet passiġġiera fil-karozza Honda.

It-tliet persuni ttieħdu l-isptar Ġenerali t’Għawdex fejn il-ġuvni ta’ 25 sena ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi, ix-xufier ta’ 44 sena ġie ċċertifikat li sofra minn ġrieħi ta’ natura ħafifa filwaqt li sfortunatament it-tfajla tilfet ħajjitha fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata. 

Dan kien ir-raba’ inċident fatali din is-sena bl-ewwel wieħed seħħ fl-1 ta’ Jannar li fih tilef ħajtu Matthew Meliak ta’ 22 sena mis-Swieqi. Dan l-inċident seħħ fi Triq ir-Rabat, fin-Nadur għall-ħabta tat-3.45 a.m. meta karozza misjuqa minn Terrance Tanti ta’ 22 sena minn San Ġwann ħabtet f’ħajt u arblu tad-dawl.

It-tieni każ seħħ fit-12 ta’ Jannar fi Triq it-Torri f’Tas-Sliema meta fil-11.55 a.m. Ramier Mader ta’ 42 sena mill-Ġermanja ittajjar minn karozza misjuqa minn Mario Gatt ta’ 36 sena miż-Żurrieq.

It-tielet inċident fatali seħħ fl-4 ta’ April ukoll f’Għawdex li fih tilef ħajtu Shaun George Vella ta’ 30 sena mis-Sannat. Vella kien qed isuq mutur fi Triq l-Imġarr f’Għajnsielem meta għall-ħabta ta’ 12.45 p.m. tilef il-kontroll u ħabta ma’ arblu tad-dawl.

 

More in Kronaka