Is-sindku tar-Rabat Għawdex jitlef kawża oħra dwar it-Tokk

Wara li ma tħalliex ineħħi s-siġar mill-pjazza tat-Tokk issa ma tħalliex iċaqlaq il-monti mill-istess pjazza

Maġistrat  waqqaf lil kunsill tar-Rabat Għawdex milli jmexxi s-suq tat-Tokk għal pjazza Savina għax dan imur kontra l-liċenzji maħruġa lill-bejjiegħa tal-Monti.

Il-maġistrat ħareġ inibizzjoni kontra s-sindku l-avukat Samuel Azzopardi u l-kunsill lokali ta' Victoria wara li l-bejjiegħa tal-monti talbu biex jibqgħu fejn kienu għal snin twal. Huma argumentaw li l-pjazza li ngħataw biex jaħdmu minna mhix daqshekk ċentrali daqs it-Tokk barra li hi iżgħar u jkun diffiċli għalihom biex jarmaw u jżarmaw. Qalu wkoll li huma qatt ma ġew konsultati dwar din id-deċiżjoni. Il-maġistrat Joanne Vella Cuschieri tat raġun lil bejjiegħa fejn qalet li kellhom dritt ikunu konsultati għax dak kien l-għixien tagħhom.

Il-bejjiegħa kienu rappreżentati mill-avukati Ian Spiteri Bailey u Victoria Cuschieri filwaqt li l-kunsill lokali kien rappreżentat mill-avukat Georgina Azzopardi li tiġi mart l-istess sindku.

Din kienet it-tieni każ li s-sindku tar-Rabat tilef fuq din il-pjazza meta dan ma tħalliex jirriloka s-siġar mill-Pjazza tat-Tokk, meta l-istess tip ta' siġar tħallew jiġu rilokati fil-pjazza ta' Kastilja. Dan kollu qed iwassal biex in-negozju fi Pjazza it-Tokk u l-ħwienet tal-madwar qed ibatu ħafna min-nuqqas ta' bejgħ meta dak il-proġett mill-Kunsill Lokali ilu sejjer 'l fuq minn sena u hemm rabja kbira anke mir-residenti. Is-sindku qed iwaħħal għal dan id-dewmien minħabba l-burokrazija u l-indħil ta' diversi terzi persuni bħal Astrid Vella dwar il-każ tas-siġar.

More in Kronaka