[FILMAT] Edwin Vassallo se jikkontesta għall-elezzjonijiet tal-MPE

L-eks sindku tal-Mosta, u eks deputat parlamentari Edwin Vassallo jħabbar il-kandidatura tiegħu għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fuq Facebook

L-eks membru parlamentari Edwin Vassallo se jkun qed jikkontesta għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Iħabbar il-kandidatura tiegħu permezz ta’ filmat fuq Facebook, Vassallo qal li huwa qed jagħmel dan għax ħass li l-valur tal-ħajja, tal-familja u tal-libertà huma mhedda.

“Kull deċiżjoni li saret tittieħed, saret tittieħed abbażi ta’ flus biss. B’riżultat ta’ hekk, għandna ekonomija li tidher b’saħħitha iżda b’kull segwenzi li ħadd mhu jimpurtah kif qed jirrumblaw fuq il-valur tal-ħajja, tal-familja, u tal-libertà,” huwa spjega.

Vassallo kkontesta l-aħħar fl-elezzjonijiet ġenerali tal-2022. Minkejja 25 sena tiegħu fil-parlament Malti, Vassallo kien sab ruħu f’diversi kontroversji kemm il-darba inkluż meta vvotta kontra l-abbozz għaż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess, meta ppreżenta argumenti kontra l-liġi tal-IVF, u meta b’mod kategoriku, f’diversi okkażjonijiet saħaq li hu kontra l-abbort f’kull sitwazzjoni.

“Quddiem dan, ma nistgħux nibqgħu inkunu indifferenti. Xi ħaġa trid isir, qabel ma jotor pajjiz. Ikollna aktar sfidi u problemi ghal familji tagħna, zgħazagħ tagħna, u t-tfal tagħna,” Vassallo kompla jgħid.

Huwa argumenta wkoll li riżultat ta’ liġijiet approvati mill-EU, “bil-vot ħafna drabi tal-MEPs tagħna, tal-ministri tagħna,” il-ħajja taċ-ċittadini qed tiddeterjora.

Vassallo, li kien ukoll sindku tal-Mosta, kien fetaħ Moviment Solidarjetà wara li falla milli jitla’ fil-parlament.

Dakinhar, fl-2022, huwa kien ġab 371 vot mill-ewwel għadd, fl-istess distrett li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kkontesta u ġab il-maġġoranza tal-voti.

Minn dakinhar Vassallo fetaħ il-kanuni fuq il-PN, l-istess partit li miegħu kien jikkontesta. Fid-dibatittu għal kap ġdid fi ħdan il-PN, Vassallo kien wissa kontra l-possibilità ta’ Robert Metsola bħala kap u qal li biha bħala mexxej “il-partit jibqa’ jitlef”

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024