Malta tingħaqad mas-sejħa tal-UE għal waqfien mill-ġlied f’Gaża

F’ittra indirizzata lill-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel, Malta flimkien ma’ Spanja, l-Irlanda, u l-Belġju ħeġġew it-talba għall-waqfien mill-ġlied f’Gaża

Il-Prim Ministru ta’ Malta Robert Abela u l-Prim Ministru ta' Spanja Pedro Sanchez
Il-Prim Ministru ta’ Malta Robert Abela u l-Prim Ministru ta' Spanja Pedro Sanchez

F’ittra indirizzata lill-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel, Malta flimkien ma’ Spanja, l-Irlanda, u l-Belġju ħeġġew it-talba għall-waqfien mill-ġlied f’Gaża.

L-għan primarju huwa li jsir appell għal waqfien mill-ġlied umanitarju, bil-għan li jitwaqqaf il-bumbardament bla waqfien Iżraeljan. L-ittra tenfasizza s-severità tal-gwerra bejn l-Iżrael u l-Ħamas f'Gaża, u tesprimi tħassib dwar l-eskalazzjoni potenzjali tal-kunflitt fir-reġjun kollu.

Il-mexxejja tas-27 pajjiż tal-UE se jiddiskutu diversi kwistjonijiet matul is-summit tal-Unjoni Ewropea(UE) fl-14 ta’ Diċembru, inkluż appoġġ għall-Ukrajna kontra l-aggressjoni Russa u reviżjoni tal-baġit fit-tul tal-UE.

Is-sitwazzjoni tal-Lvant Nofsani ġiet inkluża wkoll fuq l-aġenda.

L-ittra tenfasizza l-ħtieġa li l-mexxejja tal-UE jistabbilixxu pożizzjoni komuni, u b'mod urġenti jiġi ddakjarat waqfien mill-ġlied, kif ukoll tingħata protezzjoni immedjata liċ-ċivili f'Gaża.

Riċentament, l-Istati Uniti mblukkaw proposta tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda (UN) għal waqfien mill-ġlied umanitarju immedjat fil-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Ħamas. Din il-mossa iżolat diplomatikament lil Washington, bi 13-il membru ieħor, inkluż Malta, li vvutaw favur, u l-Gran Brittanja jastjeni.

F’Novembru, il-Kunsill tas-Sigurtà tal-UN adotta riżoluzzjoni, inizjalment abbozzata minn Malta, li ssejjaħ għal “pawżi umanitarji estiżi” f’Gaża. L-għan huwa li jiġi ffaċilitat il-mogħdija sigura tal-għajnuna umanitarja. Minkejja tliet astensjonijiet, ir-riżoluzzjoni rċeviet 12-il vot favur.

Kienet l-ewwel riżoluzzjoni li għaddiet b'suċċess wara erba' tentattivi. 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024