Rappreżentanti ta' kumpaniji Russi mhux se jitħallew aktar jidħlu fil-Parlament Ewropew b'effett immedjat. Dan ħabbritu l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola li qed tieħu wkoll pożizzjoni iebsa ħafna fil-konfront tar-Russja minn kemm ilha li bdiet il-gwerra kontra l-Ukrajna, liema gwerra Metsola u l-Parlament innifsu ifakkru dejjem illi hija illegali, inġusta, qed tikser id-drittijiet tal-bniedem u qed tikser id-dritt tal-Ukrajna mis-sovranità territorjali tagħha.
"Ma nistgħux nagħtuhom spazju biex ixerrdu l-propoganda falza u n-narrattiva tossika dwar l-invażjoni Russa," sostniet fi Tweet Metsola.
'Sa issa l-opinjoni pubblika baqgħet magħna'
Intant aktar kmieni din il-ġimgħa - waqt Laqgħa Speċjali tal-Kunsill tal-Ewropa - sostniet illi dak li l-Unjoni Ewropea kisbet huwa bla preċedent dwar din il-gwerra, għaliex irrispondiet b'għaqda u baqgħet magħquda, b'mod illi qalet li impressjona anke lill-akbar kritiċi tagħha.
"Sa issa l-opinjoni pubblika baqgħet magħna. Niesna fetħu l-bibien u l-qlub tagħhom għas-sitt miljun Ukren. Aċċettaw il-prezz li jeħtieġ jitħallas għall-gwerra u qed jitolbu rispons qawwi." Iżda Metsola qalet illi l-inkwiet tagħha huwa meta dan is-sentiment jinbidel, meta d-diżinformazjoni tar-Russi tiżdied u wara li l-prezzijiet jibqgħu għoljin ħafna.
Hija qalet għalhekk li l-UE trid tibqa' tippjana fit-tul u tibqa' fuq quddiem f'din il-kwistjoni.
Sħubija Ukrena fl-UE: 'Mhux xi ħaġa ta' mil-lum għall-għada'
Dwar l-isħubija tal-Ukrajna fl-UE Metsola sosniet li l-pożizzjoni tal-Parlament hija li jinfetħu l-bibien għal dan il-pajjiż billi jingħata status ta' kandidat għall-isħubija, filwaqt li jingħata l-ispazju meħtieġ biex dan iwettaq ċerti riformi.
"Din mhux soluzzjoni ta' mil-lum għall-għada u ma għandniex nagħtu dik l-impressjoni. L-istatus ta' kandidat għandu l-abilità li jittrasforma pajjiżi kif rajna li ġara bl-Albanija u l-Maċedonja," qalet il-President.
'L-awtonomija tal-enerġija hija l-aktar tragward importanti'
Metsola rrikonoxxiet id-diffikultajiet li din il-gwerra ġabet magħha f'termini ta' fornitura ta' ikel, xi ħaġa li qalet illi huwa "inkwetanti ħafna" u li qalet illi tista' saħansitra twassal għall-ġuħ. "Jekk l-Ukreni mhux se jitħallew jaħdmu l-art tagħhom qed inħarsu lejn snin sħaħ ta' nuqqas ta' forniment ta' ikel," qalet il-President.
Hija qalet illi r-Russja taf b'din is-sitwazzjoni u akkużatha illi qed thedded lid-dinja b'dan, filwaqt li timla' r-riservi bil-qmuħ u ċ-ċereali Ukreni. "Hemm bżonn urġenti li nsibu modi kif il-qmuħ ħerġin mill-Ukrajna jmorru f'dawk iż-żoni illi l-aktar li hemm bżonn imorru," qalet filwaqt li għamlet ukoll referenza għall-prezzijiet tal-enerġija. "Hemm bżonn li nassiguraw l-indipendenza fl-enerġija... u nagħtu importanza lir-RepowerEU sabiex tonqos b'mod mgħaġġel din id-dipendenza... l-awtonomija fl-enerġija hija tragward aktar importanti minn kwalunkwe ieħor."
Roberta Metsola temmet tgħid ukoll li hemm bżonn jinħolqu pjattaformi ta' xiri ta' elettriku u gass biex il-pajjiżi ewropej jixtru flimkien u jassiguraw fornitura u anke prezzijiet ikbar baxxi.