Delegazzjoni mill-Parlament Ewropew lura Malta biex tevalwa l-progress fis-saltna tad-dritt

Id-delegazzjoni se tkun qed tara x'sar biex ikunu protetti l-ġurnalisti, x'miżuri ttieħdu biex tkun miġġielda l-korruzzjoni u anke biex titkellem dwar l-iskema ta' ċittadinanza

Minn nhar it-Tnejn sal-Erbgħa tal-ġimgħa d-dieħla sitt MEPs mill-Kumitat tal-Parlament Ewropew tal-Libertajiet Ċivili se jkunu qed jiġu Malta biex jevalwaw il-progress fl-investigazzjonijiet, riformi u anke l-proċessi ġudizzjarji marbuta mal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia. 

Din iż-żjara tiġi sentejn u nofs wara l-aħħar waħda u li saret sabiex tara Malta x'qed tagħmel u x'riformi qed twettaq għat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u sabiex ikun protett il-ġurnaliżmu, filwaqt li ssir ġustizzja ma' Caruana Galizia, li nqatlet f'karozza bomba nhar is-16 ta' Ottubru 2017. 

L-MEPs se jkunu qed jaraw xi progress sar fir-riforma ġudizzjarja, sigurtà tal-ġurnalisti, miżuri kontra l-korruzzjoni u l-iskema ta' ċittadinanza. Id-delegazzjoni se tkun tinkludi lil Sophie In'T' Veld li fil-fatt se tmexxi d-delegazzjoni u li diġà kienet ġiet f'delegazzjonijiet passati. Ġejjin ukoll Vladimir Bilcik mill-Partit Popolari Ewropew, Franco Roberti mill-Alleanza Progressiva għas-Soċjalisti u Demokratiċi, Gwendoline Delbos-Corfield mill-Partit tal-Ħodor, Nicolaus Fest mill-ID u Konstantinos Arvanitis mill-partit Ix-Xellug. 

Dawn se jiltaqgħu mal-President tar-Republika, il-Prim Ministru u l-Kabinett, il-Prim Imħallef, l-Ispeaker Anġlu Farrugia u l-Avukat Ġenerali, fost oħrajn. Se jkollhom laqgħat ukoll ma' għaqdiet mhux governattivi, ġurnalisti, rappreżentati tad-Daphne Project u anke l-famija Caruana Galizia. 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024