MEPs Taljani fi ħdan l-EPP iqajmu mistoqsijiet dwar fondi għall-pipeline tal-gass

Antonio Tajani u grupp ta' MEPs mill-EPP jitolbu lill-Kummissjoni tagħti garanziji...

Membri Parlamentari Ewropej mid-delegazzjoni Taljana tal-Partit Popolari Ewropew (EPP) talbu kjarifiċi dwar fondi tal-Unjoni Ewropea li se jkunu qed imorru għall-pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija. Huma qed jitolbu sabiex il-Kummissjoni taċċerta li fondi Ewropej ma jintużawx sabiex ikunu ppremjati nies marbutin mal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. 

Il-President tal-EPP Antonio Tajani u disa' MEPs miegħu issottomettew mistoqsija lill-Kummissjoni sabiex bl-ebda mod fondi ewropej ma jaslu għand Yorgen Fenech, akkużat bl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia. 

"L-allokazzjoni indiretta tal-fondi ewropej lil raġel akkużat bil-qtil ta' ġurnalista jkun diżrispett u inkonsistenti lejn il-memorja ta' Daphne," qalu. 

Yorgen Fenech kien direttur tal-kumpanija Electrogas li tmexxi l-Power Station, sakemm kien ġie arrestat b'rabta ma' dan il-qtil u tneħħa. Huwa kien ġie akkużat illi kien il-moħħ wara l-assassinju tal-ġurnalista li kellha f'idejha mijiet ta' emails li jappartjenu l-proġett tal-Electrogas. Wara l-mewt ta' Caruana Galizia kien irriżulta wkoll li Fenech kien is-sid tal-kumpanija fid-Dubaj 17 Black, target client tal-kumpaniji miftuħin fil-Panama tal-eks Ministru Konrad Mizzi - responsabbi mill-enerġija meta sar il-proġett - u l-eks Chief of Staff f'Kastilja Keith Schembri. 

L-MEPs staqsew ukoll x'azzjonijiet se tieħu l-Kummissjoni Ewropea biex Fenech ma jgawdi b'ebda mod minn dawn il-fondi. 

 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej