Nitkelmu ma’ Clint Azzopardi Flores

Il-kandidat tal-Partit Laburista Clint Azzopardi Flores, li qed jikkontesta fuq it-tieni u d-disa’ distrett, tkellem ma’ din il-gazzetta

Bħala kandidat, x’ideat ġodda se ġġib fis-sistema politika Maltija? 

Se nżid mal-ideat li tajt fl-aħħar erba’ snin, fejn iffukajt fost oħrajn, fuq proposti konkreti biex jindirizzaw l-isfidi ekonomiċi ta’ Malta, inkluż ‘Id-Dritt għal Spazju Aħdar Adekwat f’Żoni Urbanizzati Ħafna’. Din l-inizjattiva tindirizza r-rikreazzjoni u s-saħħa mentali, u torbot direttament mal-benesseri taċ-ċittadini kif imfassal fil-Manifest tal-PL. Se nkompli nagħti prijorità wkoll lill-akkomodazzjoni affordabbli, wara li diġà pproponejt mekkaniżmu ta’ finanzjament li ġie adottat fil-manifest tal-PL. L-approċċ tiegħi huwa mmexxi mis-soluzzjonijiet, billi noffri alternattivi prattiċi aktar milli kritika biss kif jagħmlu ħafna. In-nies soluzzjonijiet trid tisma’ mhux qrid.  

 

X’inhuma l-aktar tliet sfidi urġenti li se jaffaċċja l-pajjiż fil-ħames snin li ġejjin? 

L-ewwel sfida hija l-ambjent, li għandu jiġi indirizzat b’mod ħolistiku, inkluż it-Tibdil fil-Klima, it-Telf tal-Bijodiversità u l-Preżervazzjoni tan-Natura. L-ambjent huwa għal qalbi ħafna, u qatt m’jien se nibża’ nitkellem dwaru. Ma nistgħux nitkellmu dwar ġustizzja soċjali jekk ma jkollniex rispett lejn l-ambjent. It-tieni sfida urġenti hija l-mobilità u l-ħtieġa immedjata li nbiddlu l-mod kif nivvjaġġaw ta’ kuljum. Għandna bżonn bidla kulturali u toroq pedonali aħjar, integrati ma’ mezzi ġodda ta’ trasport, kif ilni nipproponi dawn l-aħħar snin, b’approċċ integrat li juża l-baħar, it-trasport fuq l-art u mezzi oħra. It-tielet sfida hija l-upskilling u r-reskilling tal-ħaddiema. Il-Kapital Uman huwa kruċjali fid-dawl tad-daqs tal-popolazzjoni tagħna biex niksbu livelli ogħla ta’ valur miżjud f’territorju limitat. Irridu nibdew nitbiegħdu mis-setturi li jinkludu ħafna ħaddiema sabiex tillimta l-importazzjoni tan-nies u nimxu lejn setturi b’valur miżjud għoli. Dan jeħtieġ approċċ mgħaġġel biex jintlaħaq f’perjodu relattivament qasir u nkunu nistgħu nikkompetu ma’ sħabna. 

X’ġiegħlek tikkontesta l-elezzjoni? 

Għal dawn l-aħħar sentejn, ikkampanjajt għal politika aħjar dwar l-akkomodazzjoni affordabbli, l-ambjent u kwistjonijiet oħra li jolqtu direttament liż-żgħażagħ. Qabel u wara l-elezzjoni tal-MEPs, użajt il-midja u l-opinjoni tiegħi ta’ kull ġimgħa biex nipproponi politika li ttejjeb il-benesseri ta’ Malta. Nemmen bis-sħiħ fiż-żgħażagħ, u l-ġenerazzjonijiet imsejħa GEN Z, GEN Alpha u Digital Natives. Irridu nagħtuhom l-opportunitajiet it-tajba, l-appoġġ meħtieġ, edukazzjoni eċċellenti u ekosistema diġitali b’saħħitha biex iwarrdu, jiżviluppaw ħiliet ogħla u jilħqu indipendenza finanzjarja. Ma teżistix libertà mingħajr indipendenza finanzjarja. Bħala ekonomista, irrid narahom jirnexxu, jaqilgħu l-flus u jżommu l-kuxjenza tagħhom biex jgħinu lil ħaddieħor. Madankollu, dan jeħtieġ bidla kulturali, inkluż li nitgħallmu nħossu u nieħdu ħsieb lil xulxin. Irridu nagħtu liż-żgħażagħ l-għodod it-tajba biex joħolmu ikbar u jaslu aktar ’il bogħod. Dik kienet il-ħolma tiegħi bħala tifel minn Bormla u l-Kottonera. Naħseb li rnexxieli nissodisfaha parzjalment bl-għajnuna t’oħrajn. Nixtieq li oħrajn jesperjenzawha u jirrealizzawha. 

Semmi kwistjoni li int partikolarment appassjonat dwarha, u għaliex? 

L-Ambjent u l-wirt kulturali tagħna. Dejjem kont affaxxinat b’dan is-suġġett. Trabbejt f’Bormla, f’Żona Urbana ta’ Konservazzjoni, u kont inqatta’ l-ħin fil-ftit żoni ħodor li kellna hemmhekk bħala tifel. Ħafna ma kinux jafu bihom u mnalla. In-nanna tiegħi kienet tħobb l-ambjent, tħobb l-annimali, u għallmitni nirrispetta n-natura jekk irrid li nkun rispettat. Huwa minnu li jiena ekonomista bil-professjoni, u normalment inkunu mħajra nħarsu lejn setturi li jikbru malajr biex inħaffu t-tkabbir tal-GDP u l-profitti. Madankollu, indunajt li hemm bżonn bilanċ biex tinkiseb il-prosperità bejn it-tkabbir tal-Prodott Domestiku Gross, u s-sostenibbiltà, speċjalment il-preservazzjoni tal-kapital naturali. Illum, l-ispeċjalizzazzjoni tiegħi hija s-sostenibbiltà, b’mod partikolari l-ESG. U l-Indiċi tal-Benesseri (Wellbeing Index) marbut mal-manifest tal-PL huwa t-triq ’il quddiem. 

 

Barra mill-politika, kif tħobb tqatta’ l-ħin liberu tiegħek? 

Il-passjoni ewlenija tiegħi hija t‑tisjir u l‑ikel tad‑dar Malti bħall-ful bit-tewm, is-soppa tal-armla u l-brodu tat-tiġeġa. Dawn tgħallimthom kollha mingħand in-nanna tiegħi Betty. Nieħu pjaċir ukoll nimxi u niġri kuljum minn Ħal Tarxien sa Bormla biex inżur lil ommi Miriam. Fl-aħħar nett, inħobb naqra dwar l‑affarijiet barranin u l‑politika internazzjonali. Baqa’ jonqos! 

More in Elezzjoni 2026