Borg jisfida lil Abela jirrapporta lill-pulizija dwar allegazzjonijiet fuq fuel hub tal-PN

Alex Borg u l-inġinier marittimu Oliver Cini jiċħdu kategorikament l-allegazzjonijiet tal-Prim Ministru dwar il-proposta offshore tal-PN

Ritratt: PN
Ritratt: PN

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg sfida lill-Prim Ministru Robert Abela biex jirrapporta lill-pulizija dwar l-allegazzjonijiet tiegħu li wara l-proposta tal-PN għal offshore fuel hub hemm “moħħ kriminali”.

Waqt attività politika f’Birkirkara, Borg ċaħad li qatt kellu kuntatt ma’ kriminali u qal li l-proposta ġiet imfassla wara konsultazzjonijiet ma’ esperti marittimi, avukati u inġiniera.

“Sur Prim Ministru, nisfidak tirrapporta l-każ lill-pulizija. Jiena m’għandi xejn x’naħbi. Jiena ma nikkonsultax ma’ kriminali, nikkonsulta man-nies,” qal Borg.

Ftit wara, il-kandidat Nazzjonalista u inġinier marittimu Oliver Cini ippubblika post fuq Facebook fejn iddeskriva l-allegazzjonijiet tal-Prim Ministru bħala “gidba sħiħa”.

Cini qal li kien wieħed mill-awturi prinċipali tal-proposta tal-fuel hub u sostna li l-pjan ġie żviluppat fuq medda ta’ aktar minn sena flimkien ma’ tim ta’ esperti.

“Hekk kif rajt x’qal il-Prim Ministru dalgħaxija, nista’ ngħid li dak li qed jgħid huwa kompletament falz,” kiteb Cini.

Huwa qal li x-xogħol tiegħu bħala inġinier marittimu tah l-opportunità jifhem kif Malta tista’ tibbenefika minn dan il-proġett, li skontu għandu wkoll jgħin biex tiġi regolata attività li ilha snin barra kontroll.

Cini sostna wkoll li l-proġett jista’ jnaqqas il-piż fuq residenti ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa wara “13-il sena ta’ piż”.

Fil-post tiegħu, Cini qal li ppubblika dokumenti li juru l-ewwel stadji tal-proposta u sostna li din ġiet żviluppata flimkien ma’ tim ta’ esperti u mal-kandidat Ivan Castillo.

Huwa ċaħad ukoll li qatt iddiskuta l-proġett ma’ xi kuntrabandist tal-fuel jew mal-Prim Ministru, u staqsa għaliex dawn l-allegazzjonijiet ma ġewx irrappurtati lill-pulizija jekk huma veri.

“Jekk il-Prim Ministru tkellem ma’ kuntrabandist tal-fuel, għaliex ma rrappurtahx immedjatament?” staqsa Cini.

Min-naħa tiegħu, Robert Abela kien sostna li l-proposta tal-PN għal fuel hub offshore kienet ġejja minn “l-akbar kuntrabandist tal-fuel fil-pajjiż”, għalkemm ma semma l-ebda isem.

Abela qal ukoll li l-istess persuna kienet talbet lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru jiffirma memorandum of understanding relatat mal-proġett, u sostna li “dawn huma n-nies li qed joħolqu l-manifest elettorali tal-PN”.

More in Elezzjoni 2026