In-Nazzjonalisti għaddew messaġġ ċar: Ikkastigaw lil dawk li waqqgħu lil Delia u ppremjaw lill-ġodda!
Jason Azzopardi, Karol Aquilina - fuq quddiemnett kontra Adrian Delia u viċin ta' Repubblika - ma jiġux eletti u l-istess Claudette Buttigieg. Beppe Fenech Adami jara l-voti tiegħu jonqsu b'aktar minn 3,800 u Chris Said jaqa' lura waħda sew
minn Albert Gauci Cunningham
Il-votanti Nazzjonalisti - jew ħafna minnhom għaddew messaġġ ukoll. Messaġġ ċar li ma jistax ikun injorat. U l-messaġġ huwa l-bidla! Issa li r-riżultat huwa uffiċjali huwa ċar li l-votanti Nazzjonalisti ħarġu bi ħġarhom biex jikkastigaw lid-Deputati li ħaduha kontra Adrian Delia u jippremjaw lid-Deputati ġodda.
Il-qofol ta' dan jintlaħaq mill-fatt li Jason Azzopardi - wieħed mill-aktar Deputati voċiferi kontra l-Partit Laburista u kontra Adrian Delia - ma kienx elett - La fir-Raba' Distrett u lanqas fid-Disa' Distrett. Fir-raba Distrett, fejn il-Partit Laburista kiseb 67.6% tal-voti u l-PN kiseb 29.4% Azzopardi kiseb 1,511-il vot u allura inqabeż minn Carm Mifsud Bonnici u anke minn Mark Anthony Sammut, li kisbu 1,513-il vot u 1,904 voti rispettivament.
Dan ifisser li hawnhekk Carm Mifsud Bonnici wkoll ma kienx elett, minkejja li fil-fatt dan kien wieħed mill-ftit Deputati li fil-fatt ħarġu għonqhom għal Delia.
L-istess ġralu Karol Aquilina li la kien elett fid-Disa' Distrett fejn kiseb biss 403 voti fl-ewwel għadd u lanqas fl-10 Distrett fejn kiseb biss 931 vot. Hawnhekk kien Joe Gilgio li ġera b'kulħadd u kien elett fl-Ewwel Għadd. Giglio huwa wkoll kandidat ġdid tal-PN.
L-istess ġralu Chris Said, li minkejja li kien elett lanqas kiseb nofs il-voti li rnexxielu jikseb il-kandidat il-ġdid Alex Borg. Fil-fatt Borg kiseb 6,108 voti, filwaqt li Said kiseb 2,772. Said kien fuq quddiem fil-kampanja favur Bernard Grech u kontra Adrian Delia, apparti li l-fatt li fl-2017 kien ikkontesta lill-istess Delia f'tiġrija li ħalliet lill-PN imbenġel waħda sew.
Anke Claudette Buttigieg, li kienet ukoll waħda minn dawk li ħaditha kontra Delia fl-apert spiċċat barra. Fil-fatt hi la kienet eletta f'Għawdex fejn ġabet biss 609 voti u lanqas fit-12-il Distrett fejn kisbet 1,292 vot.
Ryan Callus u Beppe Fenech Adami kienu eletti. Minkejja dan Callus ġab ħafna inqas voti minn Jerome Caruana Cilia, kandidat minn Ħal Qormi li huwa ġdid u li saħansitra ġab 4,662 vot. Callus kiseb 2,727 vot minkejja li ilu dawn l-aħħar snin fil-Parlament u xorta kien wiċċ pjuttost ġdid għall-PN.
U finalment minkejja li Beppe Fenech Adami xorta qabeż lil Adrian Delia fuq it-Tmien Distrett meta kiseb 2,617-il vot fl-ewwel għadd, huwa kien biss 104 voti 'l bogħod mill-eks Kap Nazzjonalista. Fenech Adami ra l-vot tiegħu jonqos bil-kbir ukoll meta mqabbel mal-2017, meta kien kiseb 6,484 vot. Dan ifisser li iben l-eks PM u eks Kap Nazzjonalista Eddie Fenech Adami ra l-vot tiegħu jonqos bi 3,867 vot.
Intant fit-tieni jum tal-kampanja irtiraw il-kandidatura tagħhom Mario Galea, Kristy Debono u anke Clyde Puli - li t-tlieta li huma kienu meqjusin illi kienu qed jagħtu appoġġ lil Delia.