'Il-Balluta hija simbolu ta’ dak kollu li hu ħażin fl-ippjanar u l-iżvilupp f’pajjiżna' - Arnold Cassola

Mill-Balluta l-kandidat indipendenti Arnold Cassola jappella biex 'inbiddlu l-istorja favur l-ambjent u d-drittijiet tar-residenti'

Arnold Cassola, Kandidat Indipendenti għall-10 u l-11-il Distrett, inġabar quddiem l-eks binja tal-Barracuda fil-Balluta, San Ġiljan fejn minn hemm saħaq li binja nnifisha hija simbolu viżibbli tal-mod li bih "l-Awtorità tal-Ippjanar tilfet kull sens ta’ dinjità u awtorità.”

Cassola rrimarka li n-naħa l-oħra tal-bajja, qed ikun ippjanat proġett kbir ieħor: 3200 metru kwadru ta’ reklamazzjoni tal-art biex jinbnew żewġ pitchs tal-waterpolo, lido u ristoranti f’nofs il-bajja.

“Dan huwa proġett mostruż ieħor li se jkun l-aħħar musmar fit-tebut tal-Bajja tal-Balluta u l-Bajja ta’ San Ġiljan kif nafuhom aħna,” qal Cassola.

Il-kandidat sostna li L-evalwazzjoni tal-impatt ambjentali għal dan il-proġett tindika li dan il-proġett huwa kompletament insostenibbli. Madankollu huwa sostna li l-politiċi fil-pajjiż qed jgħidu kliem sabiħ favur l-ambjent iżda dawn il-kliem huma biss "paroli fil-vojt." 

“Għandu jkun ċar għal kulħadd, li l-uniku mod kif nipproteġu l-ftit ambjent li fadal f’pajjiżna u jiġu salvagwardjati d-drittijiet tar-residenti huwa li n-nies jivvutaw għal dan."

Huwa fakkar li l-vot għal kandidati indipendenti u ta’ terzi partiti li ħadmu b’mod konsistenti favur l-ambjent u d-drittijiet tar-residenti matul is-snin huwa l-uniku mod biex l-istorja ma tibqax tirrepeti ruħha għal darb’oħra.

"L-elezzjonijiet tas-Sibt li ġej huma opportunità importanti għall-persuni kollha ta’ rieda tajba biex jagħmlu l-istorja, din id-darba favur l-ambjent u d-drittijiet tar-residenti,” temm jgħid Arnold Cassola.

More in Elezzjoni 2022