Il-Kummissjoni Elettorali tappella li "min iżomm dokument tal-vot ta’ ħaddieħor ikun qiegħed effettivament iċaħħadlu d-dritt tal-vot u dan hu kontra l-liġi. Il-liġi tgħid li min “ikun fil-pussess illeġittimu ta’ xi dokument għall-votazzjoni... hu ħati ta’ reat u jeħel, meta jinsab ħati, multa jew priġunerija jew multa u priġunerija flimkien."
Il-Kummissjoni tgħid li meta jinqala’ każ bħal dan, ikollha ddaħħal lill-Pulizija.
Il-Kummissjoni Elettorali tavża wkoll lill-qraba tal-votanti li jinsabu rikoverati fl-isptarijiet Mater Dei inkluż fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, Karen Grech, Monte Karmeli u fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, inkluż Downtown, (li kienu hemm reġistrati bħala pazjenti sas-6.00 pm tat-Tnejn, 21 ta’ Marzu) biex, jekk għad għandhom id-dokument tal-vot tal-pazjenti, dawn għandhom immedjatament jagħtu dan id-dokument lill-pazjent biex ikun jista’ jivvota fl-isptar fejn hu rikoverat nhar il-Ħamis 24 ta’ Marzu.