David Agius | Viżjoni PN għall-2030

Għandna l-kredibbiltà li nistgħu nibnu 10 setturi ekonomiċi ġodda 

Il-punt tat-tluq tal-viżjoni tagħna hu li noħolqu x-xogħol ta’ kwalità. Kemm hu importanti x-xogħol, u kemm hu importanti iżjed ix-xogħol ta’ kwalità. 

Minflok nistaġnaw il-pagi tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin biċ-cheap labour li importaw, bħala Partit Nazzjonalista qed inwiegħdu setturi li joħolqu impjiegi ta’ kwalità, bħar-ruxmata setturi li ħloqna: l-igaming, il-farmaċewtika, il-manifattura, is-servizzi finanzjarji, l-avjazzjoni, l-informatika u bosta oħrajn li għadhom irendu l-aqwa pagi sal-lum. Dawn jagħtuna l-kredibbiltà li nistgħu nibnu 10 setturi oħra ġodda mill-qiegħ. 

Nibnu 10 setturi ekonomiċi 

Din hija l-wegħda ewlenija tagħna... li tagħti s-serħan il-moħħ liż-żgħażagħ li jridu impjiegi ta’ kwalità u pagi mill-aqwa, u daqstant ieħor tagħti s-serħan il-moħħ lill-anzjani u lill-vulnerabbli li jixirqilhom sistema tal-pensjonijiet u qasam soċjali sostenibbli u vijabbli. 

Aħna tal-PN nieħdu pjaċir li Prim Ministru jħabbar investiment fil-farmaċewtika jew xi estensjoni ta’ hangar tal-ajruplani, għax dan ifisser li l-ambizzjoni u l-viżjoni tal-gvernijiet Nazzjonalisti tal-bieraħ, illum qed jagħtu l-frott lil uliedna. 

X’differenza mill-falliment tal-blockchain... mill-imbarazzament tal-bejgħ tal-passaporti... u mill-greylisting li xeħet piżijiet enormi fuq il-professjonisti Maltin, u saħansitra anki fuq il-familji tagħna meta jkollhom bżonn jiftħu xi kont bankarju jew jiddepożitaw jew jittrasferixxu xi flus. 

Qed ngħidu li b’qafas legali, finanzjarju, tekniku u politiku sod, se nibnu industrija tal-metavers u d-dinja virtwali, servizzi tal-konformità u tad-due diligence, settur tal-manifattura speċjalizzata li tuża r-robotika, applikazzjoni avvanzata tal-istampar 3D, qasam tal-intelliġenza artifiċjali (AI), tal-esports u industrija tal-isports, industrija tal-logħob diġitali, settur tal-ottimizzazzjoni tal-enerġija, u intrapriżi soċjali.  

Dawn l-għaxar setturi se norbtuhom mas-settur tal-ospitalità, mal-edukazzjoni, mas-saħħa u mad-divertiment biex noħolqu ekosistema waħda u sħiħa. Hekk joktor il-valur miżjud tas-setturi kollha u jgawdi kulħadd. 

Nagħtu futur lill-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada 

Dan il-pjan ta’ 10 setturi ekonomiċi li ħabbar il-Partit Nazzjonalista b’mod prominenti qed jagħti futur lill-istudenti tagħna għax hekk se jkunu jistgħu jippjanaw fejn iridu jagħtu rashom u ma jibqgħux jaraw il-futur tagħhom barra minn Malta. Tajjeb li l-istudenti jiksbu esperjenza f’pajjiż ieħor, iżda mbagħad irriduhom lura biex jikkontribwixxu għal pajjiżna. Infatti, gvern ġdid Nazzjonalista jagħti vawċer ta’ €500 liż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-21 sena biex iżuru pajjiż ieħor għal esperjenza sportiva jew kulturali, u b’hekk iwessgħu l-perspettiva sportiva u kulturali tagħhom. 

Lill-istudenti, gvern ġdid Nazzjonalista qed iwegħedhom li jżid l-istipendju b’25% tal-istudenti li jagħmlu volontarjat, iżid il-Maintenance Grants tal-istudenti b’25% u jagħti għotja annwali ta’ €300 lill-ġenituri tal-istudenti sa 18-il sena li jieħdu sehem f’xi programm extrakurrikulari strutturat tal-għażla tagħhom: fl-isport, fil-performing arts, fil-kultura u fl-arti. 

Ninvestu fl-edukaturi 

Barra minn hekk, biex dan il-pjan ta’ 10 setturi ekonomiċi ġodda jirnexxi, gvern ġdid Nazzjonalista se jagħti prijorità ewlenija lill-investiment fl-edukaturi kollha. Qabelxejn, qed inwiegħdu li nagħtu allowance lill-frontliners kollha, inkluż lill-edukaturi kollha li tul il-pandemija kienu fuq quddiem nett biex uliedna jkollhom edukazzjoni bla skossi. Dan l-allowance se jingħata bħal bonus annwali daqs il-paga bażika ta’ erba’ ġimgħat. 

Barra minn hekk, qed inwiegħdu li ntejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-edukaturi kollha billi nżidu sostanzjalment is-salarji, indaħħlu miżuri moderni li jtejbu l-bilanċ bejn il-familja u x-xogħol, u nipprovdu inċentivi li jappoġġjaw it-taħriġ professjonali kontinwu tal-għalliema tagħna. 

U lill-pensjonanti li għandhom xi tfaddil jew investimenti, se nappoġġjawhom billi l-ewwel €20,000 tad-dħul minn kera, imgħax jew dividendi li jirċievu l-pensjonanti jiġi ntaxxati bil-5%, u l-€20,000 li jmiss jiġu ntaxxati bis-7.5% David Agius

Naħdmu id f’id mal-ġenituri ta’ pajjiżna 

Irridu wkoll aktar ġenituri. Għalhekk qed inwiegħdu għotja ta’ darba ta’ €1,000 lill-ġenituri għal kull twelid u din se napplikawha b’lura għat-twelidijiet mill-1 ta’ Jannar 2017 ’l hawn. 

Se nżidu ċ-Children’s Allowance b’€150, filwaqt li ċ-Children’s Allowance tal-familji bi dħul sa €12,000 se nżiduha b’€250. Se nżidu wkoll id-Disability Children’s Allowance b’€1,000 u l-Foster Carer Allowance b’€1,500. 

Barra minn hekk, se ndaħħlu skemi biex il-ġenituri jkunu jistgħu jnaqqsu mid-dħul taxxabbli tagħhom, kull miżata tal-edukazzjoni u l-ħlasijiet għall-attivitajiet extrakurrikulari u sportivi. Filwaqt li għall-ġenituri Għawdxin, se naraw li jinfetħu tliet childcare centres f’Għawdex biex aktar ġenituri jidħlu fid-dinja tax-xogħol jew ikomplu bil-karriera tagħhom. 

Qed inwiegħdu wkoll bl-aktar mod ċar li dawk eliġibbli għas-servizz tal-IVF, se jkollhom il-proċess kollu b’xejn, inkluż it-trattament, il-faċilitajiet, il-konsulti u l-mediċini kollha neċessarji. U l-ommijiet li diġà welldu tarbija bis-servizz tal-IVF, xorta se jibqgħu eliġibbli li jużaw il-proċess kollu b’xejn għaċ-ċikli li jkun imiss biex ikollhom aktar tfal. 

Naħsbu wkoll fl-anzjani – l-aqwa pakkett ta’ pensjonijiet 

Bis-saħħa ta’ dawk l-10 setturi ekonomiċi ġodda li jiġġeneraw tkabbir qawwi fl-ekonomija ta’ pajjiżna se nkunu naffordjaw sistema tal-pensjonijiet diċenti. 

Għaldaqstant qed ngħidu li għal min hu intitolat għal pensjoni sħiħa, il-pensjoni minima nazzjonali tiġi daqs il-paga minima nazzjonali. Dan ifisser żieda ta’ €730 fis-sena lill-pensjonanti tagħna. Imbagħad, il-pensjoni minima nazzjonali nkomplu nżiduha gradwalment għal-living income li rridu nintroduċu mal-imsieħba soċjali. Qed inwiegħdu tneħħija tat-taxxi kollha minn fuq il-pensjonijiet. 

Lir-romol qed inwegħduhom pensjoni sħiħa mill-ewwel baġit, mhux 83%. 

Qed inwiegħdu wkoll li se nagħmlu ġustizzja mal-pensjonanti tas-servizz jew tat-teżor b’żidiet kull sena, u kull min għalaq it-80 sena se jkollu pensjoni sħiħa. Filwaqt li lir-romol tagħhom qed inwegħduhom il-pensjoni tas-servizz li kellu żewġhom/marthom. 

Se naraw li l-mekkaniżmu ta’ 70/30 li qed jintuża bħalissa għaż-żieda lill-pensjonanti mwielda wara l-31 ta’ Diċembru 1961, ikun jitħaddem għall-pensjonanti kollha, u fil-frattemp se nagħtu COLA doppja lill-pensjonanti. 

Il-membri tal-forzi dixxiplinati se jkunu jistgħu jieħdu l-pensjoni wara 25 sena servizz u jibqgħu jservu fil-forzi dixxiplinati. 

Se nagħtu bonus statutorju sħiħ lill-pensjonanti kollha li jaħdmu full-time, u l-pensjonanti kollha li għaqqdu l-bolol, ikunu jistgħu jaħdmu sal-età tal-pensjoni u jieħdu pensjoni bbażata fuq is-snin żejda. 

Is-self-employed u s-sidien tan-negozji żgħar li jkollhom xi bolol neqsin se jkunu jistgħu jħallsuhom qabel l-età tal-irtirar. 

U lill-pensjonanti li għandhom xi tfaddil jew investimenti, se nappoġġjawhom billi l-ewwel €20,000 tad-dħul minn kera, imgħax jew dividendi li jirċievu l-pensjonanti jiġi ntaxxati bil-5%, u l-€20,000 li jmiss jiġu ntaxxati bis-7.5%. 

Il-pensjonanti se jingħataw roħs ta’ 50% fl-ispiża tal-arloġġi tal-elettriku u l-ilma. 

Filwaqt li se nintroduċu aktar mediċini b’xejn fil-formularju, il-pensjonanti se jkollhom il-mediċini kollha b’xejn u tabib tal-familja b’xejn skont il-ħtiġijiet tagħhom. 

Viżjoni għall-2030 

Dawn il-proposti huma wħud mill-mijiet li ppubblika l-PN fl-aħħar jiem. Ma jurux biss li konna Oppożizzjoni mħejjija għal din l-elezzjoni ġenerali, iżda juru li lesti biex niggvernaw il-pajjiż. Kommessi li bil-fiduċja tiegħek fis-26 ta’ Marzu nistgħu nwettqu aktar ġid għal Malta. 

More in Elezzjoni 2022